Lokali Qorti

Tliet snin probation wara li ammetta fastidju fuq l-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 29 sena, li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti biex tiġi protetta l-identità tal-vittma ingħata probation ta’ tliet snin ammetta li wettaq vjolenza morali u psikoloġika fuq l-eks sieħba tiegħu, illi magħha kellu relazzjoni ta’ ħames snin.

Il-ħati li kien iffissat fuq il-mara ammetta wkoll li ffastidjaha, li segwiha bil-moħbi u li prova jagħmel kuntatt magħha b’kull mod. Bid-dmugħ f’għajnejh quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud u ddispjaċut għal dak li għamel, il-ħati ammetta l-akkużi miġjubin kontrih, f’każ klassiku ta’ persuna li ma aċċettatx il-fatt li r-relazzjoni kienet intemmet.

Il-Maġistrat Mifsud, qabbel ir-relazzjonijiet ma’ pakkett ħalib, li jista’ jkun tajjeb iżda jista’ jkun ukoll skadut. Tenna li meta jkun skadut, ma tippruvax tixorbu, u l-istess għandu jagħmel kull persuna li jkun f’relazzjoni li spiċċat.

Huwa wissa lir-raġel biex ma jibqax jiġri wara l-eks sieħba tiegħu, jinsiha u jħares ’il quddiem u jkompli b’ħajtu. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ trażżin u probation għal perjodu ta’ tliet snin. Għar-raġel dehru l-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit.