Lokali Qorti

Spiċċa miksi bid-demm wara daqqa ta’ xabla tas-Samurai f’Bormla

Raġel mimli dmija daħal fl-Għassa ta’ Bormla għal għajnuna wara li qala’ daqqa ta’ xabla tas-Samurai mingħand sieħbu. L-Ispettur Paul Camilleri qal lill-Maġistrat Gabriella Vella li l-Puliizja ġiet infurmata li ċertu Marco Rapinett daħal l-Għassa ferut fejn fuq il ‘body cam’ tal-Pulizija stqarr magħhom li kien ġie ferut minn ċertu Josef Grech.

Rapinett wara ntilef minn sensieh u ttieħed l-isptar għall-kura fejn ġie ċċertifikat li kien qed isofri minn ġrieħi gravi u kien anke fil-periklu tal mewt. Huwa ġie rilaxxat jiem wara fejn stqarr mal-Pulizija illi qala’ daqqa ta xabla ta Samurai, f’idejh, meta kien fi Triq l-Inkoronazzjoni, Bormla, fid-dar ta’ certu Josef Grech.

L-Ispettur Camilleri spjega li l-vittma kien għand Grech jabbuża mid droga fejn f’daqqa waħda Grech qisu daħal xi ħadd ġo fih u għal xejn b’xejn tah daqqa ta sikkina f’idejh. Dan ħareġ hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Josef Grech ta’ 33 sena minn Bormla mixli li għal ħabta tad-9:15am. ta’ nhar is-Sibt, 11 ta’ Novembru, weġġa’ gravi lil Rapinett. Grech qed jiġi mixli wkoll li attakka u hedded lir-raġel, kif ukoll li sar reċediv.

Minn informazzjoni li kisbet il-Pulizija ħareġ li l-akkużat u l-vittma kienu ilhom għal sitt ijiem sħaħ jabbużaw mill-kokaina, fejn l-akkużat tant kien ħażin minħabba d-droga li “ħaseb li l-vittma kien ix-xitan.” Grech qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih.

L-Ispettur Paul Camilleri qal li l-vittma mar l-għassa ta’ Bormla b’driegħu mimli demm u viżibilment jidher li kien taħt xokk. Huwa qal lill-pulizija li kien qed jieħu kokaina mal-imputat li f’ħin minnhom sar paranojku u attakkah b’sejf.

Il-vittma ttieħed l-isptar fejn ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu li jmut. L-uffiċjali tal-pulizija marru wkoll jarrestaw lil Grech, u sabuh bilqiegħda fuq l-għatba tad-dar tiegħu. Huwa qal lill-pulizija li kien żbalja lill-vittma bix-xitan. “Hsibtu x-xitan, hsibtu x-xitan.” Grech, li deher li kien qiesu persuna fis-sakra, ttieħed l-isptar għall-osservazzjoni. Meta nħeles għall-interrogazzjoni, huwa għażel li ma jwieġebx għall-mistoqsijiet.

Xehed ukoll il-vittma Mario Rapinett li qal li kien qed ipejjep il-‘coke’ mal-akkużat u filwaqt li afferma li ilu jafu mit-twelid u qatt ma ra għajn ħażina minnu, jassumi li Josef Grech anqas jaf x’kien qiegħed jagħmel, spiċċa paranoid u tah daqqa.

“Mija fil-mija li ma kienx jaf x’qed jagħmel u li tagħni daqqa ta’ xabla.” Qal li fil-Qorti li kienu ilhom ġimgħa jabbużaw mid-droga. Sostna li hu spiċċa biex waqa’ fl-Għassa wara li ħarab jiġri mingħand Josef. L-akkużat ingħata l-pleġġ fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €7,000.

L-Ispettur Paul Camilleri kien assistit mill-prosekutur Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri assistew lil Grech.