Riżenji mill-Partit Laburista ta’ Sindki, manifestazzjonijiet u protesti, trabijiet, żdingar, storbju u rwejjaħ – biża’, inkwiet u ansjetà.
Hija din is-sitwazzjoni f’numru ta’ lokalitajiet madwar il-pajjiż; mill-Gżira sal-Imqabba, minn San Ġiljan sa San Pawl il-Baħar, mill-Iklin sa tas-Sliema – mill-Qrendi sal-Belt Valletta.
Il-Partit Nazzjonalista għal dawn l-aħħar xhur u snin appella sabiex il-Gvern jagħti l-awtonomija neċessarja lill-Kunsilli Lokali – jew tal-inqas jikkalkulahom u jiddibatti magħhom f’ċertu suġġetti u oqsma li jaffettwaw direttament liċ-ċittadin. Fost l-oħrajn f’dak li għandu x’jaqsam infrastruttura, ħinjiet ta’ ftuħ ta’ stabbilimenti, ġbir ta’ skart u tiswijiet tat-toroq.
Fejn prattikament lill-Kunsilli Lokali tteħdilhom il-poteri minn taħt idejhom – madanakollu jidher li sabiex isir xi ħaġa ta’ benefiċċju għaċ-ċittadin, il-familji jridu jsabbtu saqajhom biex jinstemgħu minn wara l-ħitan ta’ Kastilja.
Dan hekk kif wara l-protesti f’Tas-Sliema dwar l-iskart, wara l-protesti fil-Mosta dwar is-siġar – għal dawn l-aħħar jiem kien imiss lir-residenti tal-Imqabba, Qrendi, Żurrieq u Siġġiewi li jsabbtu saqajhom dwar impjant tal-asfalt propost proprju fl-Imqabba.
In-nies ta’ din iz-zona huma kontra dan il-proġett, għaliex saħansitra fil-proposta ppreżentata għall-approvazzjoni hemm miktub li l-impjant joħloq irwejjaħ…u hemm element li jaf ikun ta’ periklu għas-saħħa.
Mistoqsija dwar dan, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli saħqet li se tkun qed tagħti l-appoġġ lill-Kunsilli…imma ma tat ebda garanzija li dan l-impjant mhux se jkun qiegħed jinbena għajr li sostniet li għandhom dritt isemmgħu leħinhom.
Każ simili qed iseħħ fil-lokalità tal-Iklin li flimkien ma numru ta’ lokalitajiet oħrajn fosthom in-Naxxar, San Ġwann, il-Għargħur u s-Swieqi…għal tal-inqas 3 snin ilhom isofru minn irwejjaħ qawwija allegatament ġejjin minn impjant tal-asfalt.
Mistoqsija dwar dan, fejn minkejja l-insistenza tal-Kunsilli Lokali inevitabbilment xorta waħda għandhom bżonn l-intervent tal-Gvern għal passi deċiżivi .. hija ma qalet fl-ebda mument li l-Gvern se jkun qiegħed jintervjeni.
”Madanakollu ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin jeħtieġu azzjoni immedjata – intervent f’waqtu lil’hinn mid-diskors frivolu u tidwir mal-lewża.
//= $special ?>