L-ex Kap Eżekuttiv tal-Enemalta bejn l-2007 u l-2008 David Spiteri Gingel iddikjara quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) li fil-perjodu kemm dam fil-kariga hu qatt ma kellu indħil minn xi ministru (ta’ Gvern Nazzjonalista).
David Spiteri Gingel kien imsejjaħ mill-gvern beix jixhed fil-PAC dwar il-kuntratti tal-power station tal-Electrogas iżda fil-fatt l-ebda deputat tal-gvern m’għamillu mistqosija waħda dwar is-suġġett.
Fil-bidu tax-xhieda tiegħu, ix-xhud staqsa għaliex qiegħed jitressaq quddiem il-PAC meta, f’leġiżlaturi oħra, hu diġà deher quddiem il-PAC darbtejn oħra li fihom kien diġà wieġeb il-mistoqsijiet kollha. Il-Ministru Clayton Bartolo qal li l-gvern identifikah bħala xhud għaliex irid ikun stabbilit għaliex l-Enemalta ħadet ċertu deċiżjonijiet.
Ix-xhud qal li hu kien Kap Eżekuttiv tal-Enemalta u spjega kif hu kien irriżenja meta kien maħtur il-Ministru Tonio Fenech. Hu qal li hu ma kellux konnessjoni mal-kuntratti tal-Electrogas u sostna li hu kien mistieden biex imur Kap Eżekuttiv tal-Enemalta għaliex din kienet f’sitwazzjoni diffiċli. Qabel daħal responsabbli l-Ministru Austin Gatt, l-Enemalta ma kellhiex strateġija, sostna x-xhud li kompla li fil-kuntratt tal-power station tal-BWSC kien hemm speċifikat li jkun hemm il-qalba mill-heavy fuel oil (HFO) għall-LNG. Hu qal li l-LNG ma daħlitx mill-ewwel biex fl-ewwel fażi jittieħdu l-gwadanji li kien hemm bżonn iżda kien hemm pjan biex jinġieb l-LNG.
Ix-xhud qal li dan sar skont it-teknoloġija ta’ dak iż-żmien u spjega li kienu qed isiru wkoll studji dwar kif u fejn għandha ssir il-ħażna. Hu spjgea kif kien impossibbli li l-power station titlesta f’sentejn u fil-fatt il-proġett tal-Electrogas ħa erba’ snin biex tlesta minn kollox.
Ma’ din l-istrateġija kien hemm dik tal-interconnector minħabba li l-problema ta’ Malta kienet l-iżolament, sostna x-xhud, li kompla li l-pjan kien li sal-2015 tkun saret il-qalba mill-HFO għall-LNG, jkun daħal l-interconnector u mill-2017 jibda jingħalaq l-impjant ta’ Delimara.
Spiteri Gingel qal li hu kien favur li jkun hemm it-tieni impjant biex Malta ma jkollhiex dipendenza qawwija fuq l-interconnector minħabba li dan jinvolvi pajjiż ieħor ani fil-kuntest ta’ relazzjonijiet internazzjonali.
Ix-xhud spjega kif l-Enemalta bdiet issaħħaħ id-distribuzzjoni u kien hemm pjan li jsiru ċentri ġodda ta’ distribuzzjoni flimkien ma’ ivestimenti oħra. Hu spjega kif il-prezz taż-żjet kien tela’ minn $56 l-barmil għal $148 l-barmil u kien sar hedging fil-livell ta’ €88 l-barmil.
Spiteri Gingel xehed dwar il-kriterji wżati mill-Enemalta u qal lil-effiċjenza tal-BWSC kienet tant li se kienet se tagħti lura €1 miljun kull ġimgħa; li kien ifisser li din tiġi vijabbli fi żmien sitt snin. Ix-xhud kompla li l-prezz tal-hedging kien assorbih il-gvern u spjega li hu kien telaq mill-Enemalta fl-2008.
Hu qal li Konrad Mizzi ried jinvolvih fl-Enemalta wara l-2013 iżda hu kien qallu biex ikellem lill-kap tiegħu (Joseph Muscat) għaliex kien ilu jattakkah fuq il-BWSC. Ix-xhud sostna li hu ma riedx ikollu kuntatt mal-Enemalta.
David Spiteri Gingel qal li l-Enemalta kienet għażlet l-istess standards, kundizzjonijiet u kriterji li kienet tħaddem il-Ġermanja fil-kuntest ambjentali. Hu spjega li l-weigthing kien 75/25 bil-25 ikunu l-kunsiderazzjonijiet ambjentali u s-75 fuq l-ekonomija. Hu żied li l-Enemalta speċifikat ir-rekwiżiti l-istess bħal dawk tal-Ġermanja.
Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott ġibed l-attenzjoni tal-Ministru Bartolo li dawn il-mistoqsijiet ma kellhomx rilevanza mal-kuntratt tal-Electrogas wara l-2013.
David Spiteri Gingel kompla li l-green houses gasses kienu qed jinqatgħu u ddikjara li l-ministru responsabbli ma kienx jidħol fl-offerti u t-tenders. Ix-xhud qal li fi żmienu qatt ma kien hemm telefonata ta’ indħil mingħand il-ministru tiegħu jew mingħand xi ministru ieħor; “kieku dan seħħ kont nitlaq”. Spiteri Gingel xehed qal li hu rriżenja minħabba nuqqas ta’ qbil mal-Ministru tal-Finanzi (Tonio Fenech) iżda qatt ma kien hemm indħil.
Fix-xhieda tiegħu Spiteri Gingel qal li l-intenzjoni tal-Enemalta (qabel l-2013) dejjem kienet li l-Enemalta tmur għall-gass naturali iżda kien hemm il-kunsiderazzjoni li l-ewwel trid tinbena l-infrastruttura.
Ix-xheidda ta’ Spiteri Gingell intememt f’dan l-istadju.
Il-Ministru Clayton Bartolo qal li għas-seduta li jmiss l-gvern irid isejjaħ lill-ex Ministru tal-Finanzi Tonio Borg. Mitlub jisjega r-rilevnaza għal dan ix-xhud, Glenn Bedingfield qal li Tonio Fenech se jkun mitlub jixhed fil-kuntest ta’ dak li xehed David Spiteri Gingel. Il-membri tal-Oppożizzjoni m’oġġezzjonawx li jixhed l-ex Ministru Tonio Fenech.