Lokali

Festa ta’ ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza

L-ewwel jum tas-sena huwa l-jum abbinat mal-Maratona ġbir ta’ fondi b’risq id-Dar tal-Providenza… maratona li ta’ kull sena tkun mistennija minn bosta Maltin u Għawdxin u timmarka l-bidu ta’ sena ġdida. Dan hekk kif wieħed ma jistax jibda sena b’mod isbaħ milli jkun ta’ għajnuna għal dawk l-aktar bil-bżonn.

Il-festa ta’ ġenerożità bħal ma jsir kull sena se ssir fil-car park tar-residenza tad-Dar tal-Providenza… fejn l-Arċisqof Charles Scicluna se jqaddes quddiesa fid-9.30am u eżatt wara jingħata bidu għall-maratona li tibqa’ għaddejja sa nofsillejl. 

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza Fr Martin Micallef qal li d-Dar tal-Providenza hi impenjata li tibqa’ toffri servizzi residenzjali ta’ kwalità lir-residenti tagħha, hekk kif tibqa’ taspira li tkompli ittejjeb kemm jista’ jkun il-kwalità tal-ħajja tagħhom.

Fr Martin Micallef tenna li għalkemm is-servizz personalizzat lir-residenti huwa element importanti ħafna, l-objettivi tad-Dar tal-Providenza huwa ukoll li r-residenti jkunu aktar inklużi fis-soċjetà u jipparteċipaw b’mod sħiħ fiha.

Ma naqasx li Fr Martin jgħaddi l-appell tiegħu sabiex kulħadd jagħti l-għajnuna tiegħu ħalli jkomplu jtejbu s-servizz mogħtija minn din id-Dar, kif ukoll permzz ta’ djar oħra fil-komunità.

L-Amministratur tad-Dar tal-Providenza Nadine Camilleri Cassano, spjegat kif id-donazzjonijiet jistgħu isiru mil-lum stess sal-ewwel tas-sena:

Permezz tat-telefon: €10 – 51602012, €15 – 51702013, €25 – 51802014, €50 – 51902085, €100 – 51302022 SMS €7- 50618922.

Wieħed jista’ ukoll jagħmel donazzjoni b’mod faċli fuq Paypal u kontijiet tad-Dar tal-Providenza mal-banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.

Aktar minn hekk, individwi jistgħu wkoll jibagħtu d-donazzjoni tagħhom ta’ iżjed minn €20 permezz ta’ ċekk lid-Dar tal-Providenza, Triq Lapsi, is-Siġġiewi.

Donazzjonijiet oħra jintlaqgħu fl-uffiċċju tad-Dar tal-Providenza, fi Triq San Pawl il-Belt (wara s-suq), filgħodu bejn id-9:00 am u n-12:00 pm, mill-Paola Catholic Bookshop, kif ukoll mill-Pjazza tar-Rabat Malta fil-ġranet ta’ qabel il-Milied sal-1 ta’ Jannar.

Bħalissa fid-Dar tal-Providenza għaddej xogħol ta’ modernizzar f’Villa Papa Giovanni …u fi żmien tliet xhur mistenni tkun lesta l-ewwel parti f’din il-binja illi se tkun qed terġa’ tilqa’ lir-residenti f’ambjent isbaħ u aktar komdu.