Il-qawwiet ta’ Iżrael fl-aħħar ħinijiet infiltraw sal-qalba ta’ Khan Younis li hi fost l-akbar fortizzi tal-Ħamas fil-Medda ta’ Gaza.
Il-kelliema għall-Armata konfermaw li l-ġurnata kien karatterizzata bl-aktar ġlied qalil mill-bidu tal-gwerra mal-Ħamas, fis-7 ta’ Ottubru u meta l-battalji f’Khan Younis mistennija jintensifikaw matul il-ġranet li ġejjin.
Il-qawwiet ta’ Iżrael anki qed ikomplu bil-gwerra kontra t-terroristi tal-Ħamas fuq diversi fronti ta’ Gaza u bl-Armata, fl-aħħar sigħat, tikkonċentra l-azzjonijiet fuq il-kamp tar-refuġjati ta’ Jabalia…Kamp li, fi kliem il-militar Iżraeljan, qed jintuża bħala bażi għat-terroristi u li issa spiċċa ċirkondat mit-truppi u t-tankijiet tal-gwerra.
Il-gwerra bejn Iżrael u l-Ħamas ilha għaddejja mis-7 ta’ Ottubru meta l-Iżraeljani ritaljaw bil-bumbardamenti fuq Gaza wara li t-terroristi tal-Ħamas massakraw mijiet ta’ ċivili fost sensiela ta’ atroċitajiet qalb il-komunitajiet tal-Iżraeljani man-naħa l-oħra tal-fruntiera.
U waqt li Khan Younis mistenni li jinbidel f’ħuġġieġa ta’ vjolenza għat-tul taż-żmien, l-awtoritajiet Palestinjani qed isostnu li, fl-għodwa tat-Tlieta, madwar 50 persuna tilfu ħajjithom waqt attakk mill-ajru tal-qawwiet Iżraeljani fuq din il-belt .
Fl-istess ħin, eluf ta’ familji Palestinjani f’Gaza kienu qed ifittxu għal postijiet sikuri ‘il hinn miz-zona tal-gwerra u fejn huma kienu qed iħabbtu wiċċhom ma’ kumplikazzjonijiet kbar ta’ loġistika.
Fil-fatt, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) ikkonfermat – l-istess bħal sorsi oħrajn tan-Nazzjonijiet Uniti – li s-sitwazzjoni għall-Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza qed taqleb għall-agħar ma’ kull siegħa. Fl-istess ħin, il-militar Iżraeljan ikkundanna lill-grupp tal-Ħamas talli qed juża liċ-ċivili Palestinjani bħala tarka għat-terroristi, b’abbuż għal kull regola tal-gwerra.
//= $special ?>