Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar
Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal fil-parlament li l-gvern ma jridx itejjeb il-mod kif jaħdem il-parlament.
Meta kien qed jitkellem fl-Aġġornament tal-parlament, Robert Cutajar qal li sena u nofs ilu l-Oppożizzjoni għamlet talba biex il-parlament jittieħed bis-serjetà. Dan sar b’dover u rispett lejn il-parlament; l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż. Qabel Lulju li għadda, l-Oppożizzjoni kitbet lid-Deputat Prim Ministru biex ikun aġġornat il-mod kif jaħdem il-parlament. Minkejja dan, sena u nofs wara l-gvern m’għamilx kuntatt mal-Oppożizzjoni u ma sar xejn.
Il-gvern ma jistax jittieħed bis-serjetà anki quddiem l-aġġornament tar-regoli tal-parlament. Il-PN qed jipproponi Kumitat Parlamentari għall-Ġustizzja, sostna l-Whip tal-Oppożizzjoni, li qal li l-PN qed jipproponi wkoll ħin ta’ mistoqijiet għall-Prim Ministru fil-parlament iżda l-gvern jibqa’ jirrifjuta.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern jinsab komdu li ma jbiddilx l-affarijiet u appella biex il-parlament jiddiskusti diversi proposti tal-Oppożizzjoni fosthom dwar ir-rapporti tal-Ombudsman. Hu sostna li hemm mozzjoniiet tal-Oppożizzjoni li għadhom mhumiex diskussi; din hi sitwazzjoni li ma tixraqx għad-demokrazija. L-Oppożizzjoni għandha biss żewġ ġranet fis-sena biex tressaq liġijiet proposta minnha meta l-PN jrid jikkontribwixxi u jagħmel id-differenza.
Hu appella biex tinstab soluzzjoni dwar ir-riżorsi imitati li għandha l-Oppożizzjoni fil-parlament u spjega kif minkejja li l-Ispeaker approva biex il-Kap tal-Oppożizzjoni jkollu iktar minn xufier wieħed, dan għadu ma seħħx. Dan għaliex mhux possibbli li xufier wieħed jagħmel dawk il-ħinijiet kollha xogħol.