Il-moviment Houthi tal-milizzji X’iti li jikkontrollaw Sanaa, il-kapitali tal-Jemen, wiegħdu aktar attakki fuq il-bastimenti b’rabtiet ma’ Iżrael u li qed jużaw ir-rotta tal-Baħar l-Aħmar.It-theddida se tibqa’ valida għat-tul taż-żmien u jekk kemm-il darba l-Iżraeljani ma jwaqqfux il-gwerra fil-Medda ta’ Gaza.
Il-Houthi – li llum saru qawwa militari sinifikattiva — fl-aħħar jiem, żiedu r-retorika u azzjonijiet aggressivi u meta, fi tmiem il-ġimgħa, wettqu sensiela ta’ attakki ġodda fuq il-vapuri fil-Baħar l-Aħmar li hu fost l-akbar rotot marittimi fid-dinja.
Ir-rotta partikulari tissepara l-Penisola Għarbija mir-reġjun Afrikan tal-Lvant magħruf bħala Horn of Africa. L-attakki ta’ tmiem il-ġimgħa, intant, irriżultaw f’reazzjoni minn bastiment tal-gwerra tal-Istati Uniti — bil-militar Amerikan jiżvela li li talanqas tliet bastimenti kummerċjali spiċċaw fil-mira tal-Houthi.
Ir-rapporti qalu li l-Houthi — alleati kbar tal-grupp Ħamas — sparaw il-missili lejn il-vapur merkantili Unity Explorer li hu reġistrat il-Baħamas u li spiċċa jġarrab il-ħsarat bħala konsegwenza.
Sadanittant, twaqqgħu numru ta’ drones sparati mill-Jemen grazzi għall-intervent tad-destroyer USS Carney tal-qawwiet tal-baħar Amerikani. Uħud mid-drones imwaqqgħin kienu diretti lejn vapuri kummerċjali oħra mhux wisq ‘il bogħod mill-Unity Explorer.
Il-vapuri inkwistoni huma wkoll ta’ tip merkantili reġistrati l-Panama iżda l-ekwipaġġi rispettivi ma rappurtaw l-ebda vittmi wara li l-vapuri ntlaqtu mill-missili li kaġunawlhom ħsarat minimi.
Fl-istess ħin, l-influwenza tal-Iran qed tidher dejjem aktar evidenti fost it-tensjoni akuta fir-reġjun tal-Lvant Nofsani…Sitwazzjoni li tista’, ‘il quddiem, tiżbroffa fi gwerra totali fir-reġjun, bl-inklużjoni, fost oħrajn, tal-grupp Lebaniż tal-Heżbollah magħmul militanti X’iti li, bħall-Houthi u l-Ħamas, qed jieħu d-direzzjoni mir-reġim ta’ Tehran.
//= $special ?>