Fadal biss il-ġimgħat għall-kandidati tal-Partit Repubblikan biex jagħtu sfida denja lill-eks President Amerikan Donald Trump — il-kandidat favorit nett għan-nomina tal-partit biex, is-sena d-dieħla, jikkuntesta kontra l-President Joe Biden għat-tmexxija tal-Istati Uniti.
Fil-fatt, l-Istat ta’ Iowa qed iħejji biex, fil-15 ta’Jannar, jorganizza l-ewwel ballottaġġ importanti li, fost oħrajn, jirrifletti l-popolarità ta’ dawn il-kandidati.
Sadanittant,Trump jinsab ħerqan għal sfida diretta oħra ma’ Biden, ir-rivali kbir tal-Partit Demokratiku li kien rebaħ l-elezzjoni Presidenzjali ta’ Novembru tal-2020….Elezzjoni li ma kenitx nieqsa mill-kontroversji u meta Trump għadu jinsisti sallum li hu spiċċa l-vittma ta’ ‘proċess immanipulat’.
Skont l-aħħar indikazzjonijiet, Donald Trump mhux se jattendi għall-forum tal-Erbgħa filgħodu għall-kandidati Repubblikani li se jkun organizzat fl- Università ta’ Alabama f’Tuscaloosa….Dibattitu li se jkollu wkoll is-sehem ta’ panel magħmul mill-ġurnalisti konservattivi.
L-osservaturi, fl-istess ħin, jaqblu li l-eks President Amerikan jinsab konvint li mgħandux għalfejn jieħu sehem f’dawn il-proċessi peress li jqis lilu nnifsu bħala l-għażla ewlenija għan-nomina Repubblikana, irrispettivament minn kull żvilupp politiku.
Għaldaqstant, id-dibattitu ( primary debate) fl-Istat ta’ Alabama se jibbaża fuq biss erba’ kandidati tal-Partit Repubblikan.
Dan fost l-istennija li Ron DeSantis, Nikki Haley, Chris Christie u Vivek Ramaswamy jippromwovu lilhom infushom bħala ‘l-aħjar għażla’ waqt id-dibattitu….Ir-raba’ wieħed, fil-proċess tal-primarji u fejn il-kandidati jridu jaċċertaw minn 80,000 donatur għall-kampanji rispettivi u minimu ta’ appoġġ ekwivalenti għal sitta fil-mija skont l-istħarriġ pubbliku.
//= $special ?>