“37 sena ilu fil-każin tal-Partit Nazzjonalista tal-Gudja ċarċar id-demm ta’ Raymond Caruna, 6 snin ilu ġiet assassinata l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, u matul is-snin seħħew traġedji oħra kbar meta ssawtu n-nies waqt meeting tal-Partit Nazzjonalista. Matul is-snin l-istituzjonijiet taħt Gvern Laburista dejjem ipprotegew il-ftit u mhux il-ġid tas-soċjetà.”
Hekk sostna il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività politika b’differenza f’għeluq is-37 sena minn meta kien maqtul Raymond Caruana.
Matul din l-attività kien hemm preżenti ż-żgħażagħ li saħqu kif il-qtil politiku ta’ Raymond Caruana għadu rilevanti ħafna sal-lum il-ġurnata għaliex dan l-avveniment iżomm il-kuxjenza taż-żgħażagħ ħajja. Dan il-qtil ikompli jfakkarna kemm pajjiżna jiffaċċja sfidi kbar, hekk kif il-maġġoranza tal-poplu ried id-demokrazija, iżda din ma kinitx possibbli li kieku ma kienux nies bħal Raymond Caruana.
Iż-żgħażagħ qalu wkoll li triq sabiex wasalna s’hawn, kienet triq twila, u lum il-ġurnata għandna d-dritt tal-libertà tal-espressjoni grazzi għal nies bħal Raymond Caruana. Libertà tal-espressjoni li llum hija mhedda. Żiedu jgħidu wkoll li huwa importanti li nibqgħu niftakru f’nies bħal Raymond Caruana, u l-kuraġġ li dan iż-żagħżugħ kellu.
Huma temmew jgħidu li 37 sena ilu, l-istituzzjonijiet ma kinux qed jaħdmu u llum il-ġurnata taħt il-Gvern ta’ Robert Abela erġajna ninsabu fl-istess sitwazzjoni fejn l-istituzzjonijiet fallew kemm lil Daphne Caruana Galizia u kif ukoll lil Jean Paul Sofia.
//= $special ?>