Pilota ta’ 52 sena wieġeb mhux ħati li ħebb u hedded lis-sieħba tiegħu li kien ilu erba’ xhur joħroġ magħha. Massimo Galea minn Ta’ Sliema, residenti l-Wardija ma nghatax il-liberta provizorja meta t-Tlieta tressaq l-qorti mixli li għal diversi drabi ħebb u hedded lis-sieħba tiegħu li kien iltaqa magħha fuq il-post tax-xoghol fis-Slovakja.
Fil-qorti il-prosekuzzjoni argumentata li l-akkużat u l-vittma kienu jaħdmu mal-istess kumpanija tal-arju Slovakka u propju ghalhekk mhux idoneu li l-imputat jingħata l-helsien mill-arrest minħabba li l-akkużat jaf l-indirizz tar-residenza tagħha.
Ingħad ukoll li huwa pprova jagħmel kuntatt magħha meta heddida permezz ta’ komunikazzjoni eletronika. Il-Magistrat Claire Stafrace Zammit ċaħdet it-talba għal ħelsien mill-arrest minħabba li għad trid tixhed il-vittma u li m’hemmx is-serħan tal-moħħ li l-imputat se jkun qed joqgħod għal kundizzjonijiet mogħtija mill-Qorti jekk jingħata l-pleġġ.
L-Ispettur Joseph Busuttil mexxa l-prosekuzzjoni mgħejjun mill-Avukati mill-uffiċċju tal-AĠ Cynthia Tomasuolo u Cynthia Ellul Sciberras. Għalih deher l-Avukat Jason Grima. Dan huwa każ relatat ma dak li seħħ Il-Qorti nhar il-Ġimgħa meta l-Maġistrat Abigail Critien ċaħdet każ li f’terminu legali jissejja ‘habeas corpus’ minn raġel li sostna li t-tfajla tiegħu mill-Ewropa tal-Lvant kienet “inħatfet” mid-dar tiegħu mill-pulizija. It-talba saret minn Massimo Galea, f’seduta meqjusa bħala waħda sramba li matulha l-pulizija xehdu li l-mara qatt ma kienet arrestata.
Kollox jindika l-mara sempliċement telqet lil Galea, u riedet tara li l-akkużat ma jkunx jaf fejn marret. Galea ressaq rikors għal proċedura ta’ ‘habeas corpus’ – proċedura disponibbli għal persuni taħt arrest, li teħtieġ li l-maġistrat ikun fid-dmir jeżamina b’urġenza l-legalità tal-arrest tagħhom. Galea ma kienx persuna arrestata u fetaħ il-proċedura f’isem ‘t-tfajla’ tiegħu.
Il-Maġistrat Critien qalet nhar il-Ġimgħa li għalkemm Galea teknikament ma kellu l-ebda pożizzjoni fil-każ, il-qorti xorta waħda kienet ħallietu jgħid tiegħu, qalet il-maġistrat. “Filwaqt li ddeplorat l-azzjonijiet tiegħu, li ħela l-ħin prezzjuż ta’ kulħadd billi ressaq proċeduri ta’ natura urġenti meta lanqas kien hemm arrest jew detenzjoni, il-qorti qieset li dan l-aġir juri disprezz lejn l-awtorità tagħha, speċjalment fid-dawl tal-ħela ta’ ħin u riżorsi pubbliċi fi proċeduri li qatt ma kellhom jiġu ppreżentati, għax huma għal kollox nulli, irregolari u abbużivi,” temmet tgħid il-Qorti.