Colin Schembri
SIGMA Depiro……..90
Athleta……………….96
(17-23)(19-22)(24-22)(24-17)(6-12)
F’partita mill-isbaħ li saħansitra kellha tmur fil-ħin barrani, Athleta rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Sigma Depiro 96-90. Għal Depiro din kienet it-tieni telfa minn tlett partiti fil-kampjonat. Depiro rkupraw lil Miguel Brincat però għadu nieqes Andrew Aquilina u kien nieqes ukoll Bogdan Mrkojevic. Il-partita kienet bilanċjata tant li għal 10 darbiet kien hemm parita għalkemm Athleta kienu fuq quddiem għal total ta’ 33 minuta. Trippla fuq kull naħa minn Malik Riddle u Cameron Cornelius fetħu l-partita biż-żewġ timijiet ikomplu jirrispondu lil xulxin għal ħin twil fl-ewwel taqsima. Athleta mbagħad għaddew biex jagħmlu run ta’ 11-2 bi trippla ta’ Piotr Stelmach biex temmew l-ewwel sessjoni 23-17 minn fuq. Athleta komplew ikabbru l-vantaġġ fit-tieni perjodu bil-punti minn Luca Stefanovic, Matthew Gouder u Dajuan Moorer. Għal Depiro kien hemm il-punti minn Miguel Mallia u trippla ta’ Brincat però Athleta wkoll kellhom żewġ trippli minn Juan Cefai u Stelmach biex daħlu jistrieħu 45-36 minn fuq.
Wara l-intervall, Depiro bdew bil-punti ta’ Kameron Rooks u trippla ta’ Cornelius biex naqqsu d-distakk għal sitt punti 43-49. Athleta wieġbu b’seba’ punti mingħajr risposta però Depiro waqqfuhom bi trippla ta’ Mallia. Wara li Athleta reġgħu fetħu vantaġġ ta’ 9 punti, kien hemm żewġ trippli fuq kull naħa qabel ma’ Depiro għamlu erba’ punti oħra minn Rooks u Cornelius biex naqqsu d-distakk għal seba’ punti 60-67. Fl-aħħar sessjoni, Depiro kellhom mument tajjeb meta għamlu run ta’ 12-3 bi tlett trippli minn Cornelius u Nicholas Grech biex marru basket minn fuq 76-74. Athleta reġgħu rkupraw bill-punti ta’ Riddle u trippla ta’ Matthew Gouder. Fl-aħħar attakk tagħhom, b’inqas minn sitt sekondi għat-tmiem, Depiro ppareġjaw bi trippla ta’ Cornelius u l-aħħar tentattiv ta’ Stelmach ma daħalx biex il-partita marret għal ħin barrani fuq skor ta’ 84-84. Athleta fetħu l-ħin barrani b’erba’ punti minn Riddle u Gouder. Depiro reġgħu għamlu l-iskor indaqs bill-punti ta’ Rooks però Athleta wieġbu bill-baskets minn Francesco Mifsud Bonnici u trippla ta’ Luca Stefanovic biex rebħu l-partita 96-90.
SIGMA Depiro: L. Trapani, N. Bozovic 3, N. Grech 5, K. Rooks 23, M. Brincat 4, M. Mallia 12, C. Cornelius 34, N. Bukva, M. Debattista.
Athleta: M. Riddle 32, F. Mifsud Bonnici 11, N. Buhagiar, L. Stefanovic 8, D. Moorer 12, M. Gouder 12, R. Abela, P. Stelmach 19, T. Chatzimoysis, J. Cefai 3.
Referees: Artun Bayraktar, Nestor Rincon, Nicky Azzopardi.
Mellieħa Libertas Spalding………90
Hibernians……………………………….83
(19-28)(20-15)(26-24)(25-16)
Mellieħa ħadu r-raba’ rebħa minn erba’ partiti biex baqgħu fl-ewwel post però kellhom jistennew sal-aħħar taqsima biex jaċċertaw ruħhom mir-rebħa. Fil-fatt, kienu Hibs li kellhom l-aħjar bidu meta b’Ivan Demcesen u Anton Axiaq jikkombinaw tajjeb bejniethom, marru 12-5 minn fuq. Ir-risposta ta’ Mellieħa ġiet minn tlett trippli minn David Bugeja u Corrado Mercurio flimkien mal-punti ta’ Kwame Thompson biex naqqsu d-distakk għal basket 19-21. Hibs però għamlu seba’ punti mingħajr risposta bi trippla ta’ Mason Hix biex temmew l-ewwel sessjoni 28-19 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Mellieħa kellhom run ta’ 12-2 li bdewha b’żewġ trippli minn Vukassin Jandric u Tederick Wolfe flimkien mal-punti ta’ Thompson u marru 33-32 minn fuq. Hibs irkupraw u kellhom 5 punti minn Demcesen u trippla ta’ Paul Attard u minkejja li Mellieħa wkoll kellhom trippla minn Jandric, kienu l-Pawlisti li daħlu jistrieħu 43-39 minn fuq.
Fit-tielet perjodu, Hibs reġgħu fetħu vantaġġ ta’ disa’ punti wara żewġ trippli minn Attard u Hix. Mellieħa bil-mod reġgħu bdew inaqqsu d-distakk bil-punti ta’ Wolfe u Thompson flimkien ma’ trippla ta’ Jandric. Iż-żewġ timijiet bdew iwieġbu lil xulxin biex Hibs baqgħu basket minn fuq 67-65. Mellieħa bdew l-aħħar taqsima bi break ta’ 10-4 bi trippla ta’ Thompson biex marru 4 minn fuq 75-71. Demcesen wieġeb għal Hibs qabel ma Mellieħa għamlu run deċisiva ta’ 12-3 bill-punti kollha jaslu minn Wolfe, Thompson u Mercurio. Il-partita għalqet bi trippla fuq kull naħa li però ma biddlet xejn mir-riżultat u Melllieħa ħarġu rebbieħa 90-83.
Mellieħa Libertas: T. Wolfe 23, D. Bugeja 11, R. Bonnici 6, V. Jandric 12, I. Bonett, R. Carabott, K. Thompson 21, E. Valdespina 2, C. Mercurio 15, N. Pace.
Hibernians: C. Whipple 9, P. Attard 6, B. Zammit, L. Attard, L. Farrugia, N. Vasovic 2, A. Axiaq 12, R. Aquilina, M. Attard, M. Hix 14, I. Demcesen 38, S. Simic.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Julie Londono, Artun Bayraktar
Starlites JSD………………..108
Valletta Fighters………….76
(22-13)(31-23)(31-9)(23-31)
Ic-champions Starlites JSD kellhom rebħa konvinċenti kontra Valletta Fighters 108-76 b’wirja dominanti speċjalment fit-tielet sessjoni. Valletta kienu mingħajr Christian Briffa u Ferdinand Lisondra u l-coach Harry Savaya wkoll ġej minn ġranet fejn kien indispost fis-sessjonijet ta’ taħriġ. Starlites bdew il-partita bl-aħjar mod meta bdew bi break ta’ 11-4 fosthom bi trippla ta’ Ian Felice Pace. Wara trippla ta’ DeSean Mattox għal Valletta, Starlites komplew b’żewġ trippli oħra minn Matthew Attard biex baqgħu fuq quddiem fi tmiem l-ewwel sessjoni 22-13. Starlites komplew iżidu l-vantaġġ fit-tieni perjodu fejn kellhom fost l-oħrajn diversi punti minn Alec Felice Pace, frisk mill-unur tal-Player tas-Sena tal-istaġun li għadda. Starlites fetħu vantaġġ ta’ 20 punt 44-24 qabel ma Valletta kellhom risposta minn Keith Charleston u trippla ta’ Ulhas Satyanaroyan. Starlites għalqu t-taqsima bi trippla eżatt mal-buzzer minn Alec Felice Pace għal skor ta’ 54-36.
Fit-tielet sessjoni kien hemm punti fuq kull naħa fejn Starlites fetħu bi trippla ta’ Attard u għal Valletta kien hemm il-punti minn Mattox. F’nofs it-taqsima, żewġ free-throws ta’ Kurt James fetħu run qawwija ta’ 22-3 fejn spikka l-Amerikan Davonte Craven li għamel 12 -il punt flimkien ma’ trippla ta’ Attard għal skor ta’ 85-45. B’distakk ta’ 40 punt bejn iż-żewġ timijiet, l-aħħar perjodu kien biss formalita u serva l-aktar biex il-coach Paul Ferrante jagħti ħafna ħin lill-players ta’ fuq il-bank imdawwrin mal-Amerikan James li kellhu fost l-oħrajn żewġ trippli li bijhom għaqqad il-mitt punt. Kien jonqos il-punti minn Neil Sultana u Kai Fabri biex il-players kollha ta’ Starlites niżżlu isimhom fost l-iskors għal skor finali ta’ 108-76.
Starlites FIJO: A. Felice Pace 11, C. Hinkson 8, M. Attard 13, S. Aquilina 4, I. Felice Pace 5, M. Fabri 2, K. Fabri 4, D. Craven 23, L. Farrugia 2, N. Sultana 2, K. James 24
Valletta Fighters: K. Charleston 31, S. Saakian, R. Curmi 2, D. Mattox 27, A. Attard 4, M. Farrugia 4, U. Satayanorayon 5, N. Cassar 3.
Referees: Gordon Barbara, Zvezdan Dobrosaviljevic, Ivica Simic
//= $special ?>