Lokali Milied 2023

L-ikla tal-Milied tal-Caritas se toffri wens għal 500 persuna

Din is-sena tqattax il-Milied waħdek.

Kien dan il-messaġġ li qasmu l-Caritas, waqt attivita li organizzaw sabiex iħabbru d-dettalji tal-ikla tal-Milied li ssir f’jum il-Milied fil-Kurja tal-Arċisqof.

Fis-sena 2015 – fl-ewwel edizzjoni tagħha – għal din l-ikla kienu attendew mitt persuna li ma kellhomx meżżi biex jorganizzaw l-ikla tal-Milied. Pero matul is-snin l-attendenza kompliet dejjem tiżdied hekk kif anka dawk li jbatu mis-solitudni kienu mistiedna jattendu. U din is-sena qed jiġi stmat li ser ikunu qed iżuru il-bini tal-Kurja mal-500 persuna.

Anthony Gatt id-Direttur ta’ Caritas spjega kif din l-ikla hija miftuħa għan-nies li jħossuhom weħidhom tant li fil-passat kien hemm minn attenda għax kien mietlu xi qarib tiegħu, jew għax kien issepara minn mal-partner tiegħu.

Fi kliem sempliċi l-Kurja se tkun qed tiftah il-bibien tagħha għall dawk kollha li jixtiequ jqatgħu l-Milied f’atmosfera ta’ familja.

Minn naħa tiegħu l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi spjega li l-iskop ewlieni ta’ din l-ikla u sabiex dawk preżenti fil-Kurja jiċċelebraw il-Milied flimkien u jiftakru kif l-iben ta’ Alla sar bniedem bħalna propju f’dan il-jum.

Waqt li mill-ġdid appella biex dawk li qedin weħidhom ma jżommux lura milli jattendu.

L-ikel għal din l-okkażjoni se jkun ippreparat minn The Alfred Mizzi Foundation waqt li din is-sena wkoll, il-koki tal-Kċina tal-President ta’ Malta se jieħdu ħsieb jippreparaw ħelu tradizzjonali tal-Milied biex jitqassam waqt l-ikla. St Peter’s Foundation se tkun qed tagħti wkoll is-sostenn tagħha u l-grupp X-Tend se jkun qed joħloq atmosfera ta’ ferħ bil-mużika tagħhom.

F’isem The Alfred Mizzi Foundation, Julian Sammut qal li l-fondazzjoni hi kburija li għat-tmien sena qed tgħin f’din l-ikla tal-Milied u dan permezz ta’ koki li fil-ħin volontarju tagħhom jippreparaw l-ikel  “hekk kif isir ta’ kuljum permezz ta’ Dar Papa Franġisku u l-Kċina ta’ Marta, li bejniethom iqassmu madwar 2,000 ikla fil-ġimgħa”.

Dawk kollha li jixtiequ jattendi huma mitluba biex jikkuntatjaw lil Caritas billi jċemplu fuqfuq 79555915 jew jibgħat email fuq info@caritasmalta.org jew permezz tal-paġna fuq Facebook ta’ Caritas Malta.

Dawk li japplikaw imbagħad ikunu ikkuntajtati minn Caritas biex b’hekk tiġi wkoll offruta għajnuna li tmur lil hinn minn jum il-Milied, bħall għajnuna offruta mill-Kċina ta’ Marta li qed toffri mal-1200 ikla fil-ġimgħa.