L-OHSA – l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol ma kinitx infurmata bil-binja biex tiġi żviluppata f’Kordin li wasslet għall-mewt taż-żagħażugħ Jean Paul Sofia f’Diċembru li għadda. Minn riċerki li saru ma kien hemm xejn meta suppost l-awtorità kellha tiġi nfurmata.
Dan ħareġ mix-xhieda ta’ żewġ uffiċjali tal-OHSA meta quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ ħames persuni li qed iwieġbu mhux ħatja ta’ akkużi ta’ omiċidju involontarju u li kkawżaw ġrieħi gravi lil ħames ħaddiema li kienu fuq il-post meta waqa’ l-bini.
Xhieda li għal darba oħra ngħatat fil-preżenza ta’ omm il-vittma. Il-kumpilazzjoni kompliet fil-konfront ta’ l-iżviluppaturi tal-propjetà Kurt Buhagiar ta’ 37 min-Naxxar u Matthew Schembri ta’ 38 minn Birkirkara, il-perit Adriana Zammit ta’ 35 sena minn Ħaż-Żabbar, il-kuntrattur Serb Milomir Jovicevic ta’ 39 sena flimkien ma’ martu u l-kodirettur tal-kumpanija Dijana Jovicevic, 38 minn Il-Bosnja Ħerzegovina, qed iwieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.
L-uffiċjali mill-OHSA Charles Muscat u Joseph Matthew Schembri xehedu dwar ir-rwol tal-Awtorità fejn qalu li min ikun se jagħmel xi żviluppiIrid jinforma lill-Awtorita li se jkun hemm żvilipp. Dan jieħu ħsiebu l- Project Supervisor fejn jipprepara dokumentazzjoni dwar kif se jaħdem u li se jagħmel l-ispezzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa u sigutà fuq il-post tax-xogħol. Ma dan kollu ma saret l-ebda notifika f’dan is-sens.
Qalu li huma għamlu l-verifiki neċċessarji u li ħafna minnhom għamluhom flimkien fejn infurmaw awtoritajiet oħra biex jaraw is-sitwazzjoni. Kellmu wkoll lill-imputati li f’ħafna każi mgħejjuna mill-avukati tagħhom iddeċidew li ma jagħtux informazzjoni.
Xhud minnhom qal ukoll li marru fuq il-post wara t-traġedja biex jispezzjonaw il-binja u punt ieħor li ħareġ mix-xhieda tagħhom kien li marru lura sa ħames snin biex jaraw jekk kien hemm informazzjoni iżda ma rriżultax li kien hemm xi forma ta’ notifika.
Qalu wkoll li dak inhar tal-inċident f’Kordin kienu mgħajjta biex imorru fuq il-post u hemm kienu saru jafu li erba’ ħaddiema kienu fis-sular ta’ fuq fejn kien hemm pompa tal-konkos fuq is-saqaf u li kien hemm ħaddiem li kien għadu mirdum fit-tifrik. Dan kien instab għall-ħabta tas-2am. Ix-xhieda qalu li kienu preżenti għall-inkjesta Maġisterjali u bdew jagħmlu t-riċerka tagħhom.
Xehed ukoll persuna inkarigat mill-awtorità Identità. Benjamin Spiteri qal li huwa Senior Manager fuq il-propjetà ta’ Matthew Joseph Schembri. Xhud ieħor kien Natalino Bezzina mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li qal li kien inkarigat x’talbu f’dak li kellu x’jaqsam ma’ “fire safety’ u li baqgħu ma reċevew xejn bħala ‘safety compliance” u dan suppost kollu seħħ qabel il-fabbrika kellha tibda topera.
Huwa qal ukoll li dak inhar tal-inċident qalulu biex jidħol xogħol u baqa’ hemm sal-4am tal-għada tal-inċident. F’dan il-każ Schembri huwa akkużat ukoll li ffalsifika firma fuq l-avviż tal-bidu tal-proġett – dokument uffiċjali li jrid jiġi sottomess lill-awtoritajiet qabel ma jkunu jistgħu jibdew ix-xogħlijiet.
Zammit minn naħa tiegħu huwa akkużat ukoll li naqas milli jwettaq ix-xogħlijiet skont il-prattiċi u l-istandards industrijali stabbiliti. Schembri, Buhagiar u l-koppja Jovicevic huma akkużati wkoll li wettqu diversi ksur tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
L-Ispetturi Paul Camilleri u Antonello Magri qed imexxu l-prosekuzzjoni. L-avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono u Jacob Magri qed jassistu lil Buhagiar u Schembri. Il-Perit Zammit qed tkun rappreżentata mill-avukat Stephen Tonna Lowell. L-Avukat Timothy Bartolo huwa avukat difensur għal Milomir Jovicevic u Dijana Jovicevic. Il-familja Sofia qed tkun assistita mill-avukati Joe Giglio u David Bonello. Il-kumpilazzjoni tkompli fid-9 ta’ Jannar fl-10am.
//= $special ?>