It-tim Malti li rrappreżenta lil JA Malta, fil-kompetizzjoni internazzjonali tar-robotika ‘Girls Go Circular’, ħareġ rebbieħ. ‘Girls Go Circular’ hija koordinata minn EIT RawMaterials, bl-għan li tipromwovi nisa u bniet f’dan il-qasam.
It-tim rebbieħ, bl-isem ta’ “Rocky CO.2” huwa magħmul minn tliet studenti bniet minn tliet istituzzjonijiet edukattivi differenti. Dawn huma: Antonia Ciappara minn St Nicholas College, Dingli Secondary School, Sofiya Chuzhda minn G.F Abela Junior College, u Elizabeth Kovrigina minn IES El Getares, Algeciras, Cádiz, Spanja.

Dawk li jikkompetu f’din il-kompetizzjoni huma mitluba jagħżlu problema ambjentali, li wara iridu jsibu soluzzjoni għaliha permezz ta’ robot prototype. IT-tim li rappreżenta lil Malta għażel il-problema tal-greenhouse effect u t-tibdil fil-klima, waqt lis-soluzzjoni kienet robot prototype li jżid ir-rata ta’ kif b’mod naturali jitneħħa l-carbon dioxide mill-arja, permezz ta’ proċess imsejjaħ enhanced weathering.
Intant, propju għax it-tim Malti rebaħ din il-kompetizzjoni, EIT RawMaterials ser ikunu qedin jipproduċu dan ir-robot.