Lokali Qorti

Probation għal ġuvni ta’ 16-il sena li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ tifla ta’ 13-il sena bil-kunsens tagħha

Żagħażugħ li tliet snin ilu kellu 16-il sena tpoġġa taħt probation għall-perjodu ta’ sentejn mill-Maġistrat Claire Stafrace wara li nstab ħati li f’Diċembru tal-2020 u qabel pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ tifla ta’ 13-il sena.

L-att li sar diversi drabi sar bil-kunsens tat-tifla li wkoll xerrdet filmati li hija ġibdet bill-mobile tagħha waqt li kienu qegħdin iseħħu dawn l-atti u tefgħethom fuq il-media soċjali. Għaldaqstant  l-imputat ma nstabx ħati li xerred materjal pornografiku.

It-tifla qalet fix-xhieda tagħha li saret taf lill-imputat tramite l-meżżi soċjali u li kienu bdew joħorġu flimkien fis-sena 2019 u ħassru f’nofs is-sena 2020. Qalet li f’dan il-perjodu li ltaqgħu hi 12-il sena filwaqt li l-imputat kellu 15-il sena. Qalet li fil-bidu tas-sena 2020 hi pparteċipat f’sess orali mal-imputat u li ħadet ritratt ta’ dan hi stess bil-mobile tagħha.

Fil-Qorti kompliet tgħid li bejniethom kien ikollhom attivitajiet sesswali u li dawn ġraw seba’ darbiet. Tixhed li l-allegat ritratt hassritu hi stess minn fuq il-mobile.

Ikkonfermat ukoll li kienet hi stess li bagħtet ir-ritratt lill-imputat permezz ta’ Facebook Messenger u li ħassret ukoll ic-chats ta’ bejniethom u li saħansitra bidlet l-account tal-Facebook Messenger kif ukoll il-mobile nnifsu għal xi tliet darbiet.

Tgħid ukoll li hi marret l-Appoġġ għax riedet hi kif ukoll għax riedet ommha u dan wara li kellha diżgwit fuq ir-ritratt ma’ sħabha u mhux minħabba l-imputat. Qalet ukoll li minn wara li ħassret minn miegħu ma reġgħetx kellmitu

Xhud importanti f’dan il-każ kienet omm it-tifla li qalet li bintha kellha ritratt intimu mal-imputat li dan ixxerred mal-ħbieb tagħha. Qalet li l-imputat kien f’relazzjoni mat-tifla tagħha u ammettit li hi qatt ma rat ir-ritratt allegat u li saret taf b’dan ir-ritratt ferm wara.

Theddid mill-ħbieb tagħha

Tenniet li r-ritratt li kien fuq il-mobile u spiċċa fuq il-media soċjali kienu juri lil bintha twettaq sess orali fuq l-imputat. Xehdet li dan ir-ritratt intuża mill-ħbieb tagħha sabiex jhedduha u jġieghluha tagħmel li riedu huma.

Qalet li l-imputat kien jibgħat ritratti intimi tiegħu stess lit-tifla u kkonfermat li llum il-ġurnata ma teżisti l-ebda relazzjoni bejn bintha u l-imputat. Tgħid li  dan kollu affettwata lit-tifla fis-sens li marret lura skolastikament.

Il-Qorti wara li semgħet il-każ qalet li m’hemmx dubju li l-att sesswali bejn l-imputat u l-minuri kien wieħed kunsenswali u mingħajr abbuż fiżiku jew psikoloġiku.

Ħareġ ċar illi l-minuri kienet konsapevoli ta’ dan l-att sesswali tant illi hija stess xehdet li dik id-darba ma kinitx l-ewwel darba li kellha esperjenzi sesswali mal-imputat.   

Ħareġ ċar ukoll illi kienet l-istess tifla li pproponiet lill-imputat sabiex jieħdu ritratt tagħhom jagħmlu l-attivitajiet sesswali u li l-imputat għall-ewwel irrifjuta iżda mbagħad ċeda fuq l-insistenza tagħha.

Ħareġ ukoll illi dan ir-ritratt ittieħed mill-mobile tat-tifla. Meta seħħ ir-reat l-imputat kellu 16-il sena u hi kellha 13-il sena. Illi għalhekk bejn l-imputat u t-tifla kien hemm differenza ta’ tliet snin biss.

Kollox bil-kunsens tat-tnejn u ma ħalla l-ebda marka ta’ diċabilità mentali

Peress li ż-żewg partijiet involuti f’dawn l-atti kkonfermaw li sar l-att sesswali bil-kunsens, l-età ta’ bejniethom kienet qrib ħafna u li l-maturità rispettiva tagħhom hija simili tant li ma ġie riskontrat l-ebda diżabilità mentali fl-ebda miż-żewġ partijiet.

Skont il-liġi il-Qorti qalet li hi sodisfatta li għandu japplika f’dan il-każ li l-piena m’għandhiex tkun wahda karċerarja minħabba ċ-ċirkostanzi tal-każ. Il-Qorti qieset ukoll l- età tenera tal-imputat meta gie kommess ir-reat tant li kien għadu minorenni.

Rigward it-tieni akkuża, t-tixrid ta’ materjal pornografiku ta’ persuni taħt is-16-il sena ħareġ ċar illi minn naħa tal-imputat, ma kienx il-ħsieb tiegħu li dan il-filmat jinxtered iżda li jibqa’ privat bejniethom u dan kien irrekordjat fuq il-mobile tal-istess minuri u mhux tal-imputat. Il-Qorti għalhekk poġġiet liż-żagħżugħ taħt Ordni ta’ Probation għal sentejn. Għal ġuvni deheret l-Avukat Miriam Bezzina filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Busuttil.