Internazzjonali

‘RIZZ’ – magħżula bħala l-kelma tas-sena

Il-kariżma – l-abbiltà li, b’karatteristika attraenti ssaħħar persuna b’faxxinu liema bħalu; kelma li illum il-ġurnata tqassret għal sempliċi erba’ ittri – RIŻŻ – li hija verżjoni iqsar ta’ kariżma, u li spiċċat fil-qalba ta’ pjattaformi bħal Twitch u TikTok … u qalb il-vokabolarju tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda.

Issa, hekk kif resqin lejn l-aħħar tal-2023, il-kelma Rizz ingħatat it-titlu tal-kelma tas-sena mid-Dizzjunarju rinomat ta’ Oxford.

Riżż kienet kelma minn tmienja li ngħażlu biex jirriflettu l-burdati u s-sentiment in ġenerali matul l-2023. U skont l-Università ta’ Oxford – Riżż tfisser stil, faxxinu u l-abbilità li tisseduċi b’mod romantiku lil xi ħadd.

Din il-kelma kienet bdiet tintuża partikolarment fuq Youtube u Twitch; madanakollu kisbet il-popolarità meta lura f’Ġunju l-attur Tom Holland ġie mistoqsi jekk kellux riżż.

Casper Grathwol, President tal-Lingwi f’Oxford, saħaq li din il-kelma tixhed il-burdata ta’ din is-sena, fejn aktar u aktar nies bdew ifittxu lil ħaddieħor u jgawdu l-ħajja. Xhieda li wara x-xhur ta’ pandemija issa qed niksbu kunfidenza fina nfsuna.

Intant, fost il-kliem li għamluha fil-lista ma’ Riżż kien hemm ukoll ‘Swiftie’ li tfisser persuna li tħobb lill-kantanta Taylor Swift, de-influencing – prattika li ma tħeġġiġx lin-nies jixtru xi prodott partikolari, beige flag – sieħeb jew sieħba li m’għandha ebda entużjażmu, heat-dome; sħana tremenda f’zona partikolari, prompt, struzzjoni li tingħata lill-intelliġenza artifiċjali, parasocial – li persuna segwaċi ta’ xi artist jew artista tkun mingħaliha li din il-personalità tkun ħabiba intima tagħha….u situationship…relazzjoni romantika jew sesswali li ma tkunx ikkunsidrata bħala waħda uffiċjali. Kliem li prattikament jduru mal-ħajja tal-hekk imsejħa Generation Z.

Interessanti l-fatt li x-xahar li għadda, dizjunarju ieħor – dak tal-Collins – għażel kelma differenti minn Riżż bħala l-kelma tas-sena. Fil-fatt, il-kelma magħżula mid-Dizzjunarju Collins kienet “artificial intelligence”.