Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

Roberta Metsola tingħata unur f’Palermo għall-ħidma tagħha kontra l-korruzzjoni

Il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola ingħatat medalja mill-belt ta’ Palermo, hekk kif ġiet rikonoxxuta għall-impenn tagħha fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Il-medalja ġiet ippreżentata mis-Sindku ta’ Palermo, Roberto Lagalla u l-Professur Maria Falcone, il-President tal-Fondazione Falcone u oħti il-mibki maġistrat Giovanni Falcone.

Il-premju ngħata waqt żjara li għamlet f’Parco Jung f’Palermo, b’tislima lill-maġistrati Paolo Borsellino u Giovanni Falcone li nqatlu mill-mafja fl-1992.

Waqt id-diskors tagħha, il-President Metsola qalet li l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata hija battalja ta’ kulħadd. Hija qalet li din il-ġlieda ma taf l-ebda limiti territorjali, fejn l-uniku mod kif jinqerdu dawn ix-xbieki kriminali huwa billi jitrawwem sens qawwi ta’ responsabbiltà personali u istituzzjonali u li jinbena front komuni.

Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew fehem dan kollu u huwa għalhekk li għamel il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata bħala prijorità politika tiegħu.

Il-President Metsola rreferiet għall-assassinju tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. Qalet li bħal Giovanni Falcone u Paolo Borsellino, hi wkoll ssagrifikat ħajjitha għad-difiża tal-verità u l-ġustizzja. Kien hawn li l-President tal-Parlament Ewropew wiegħdet lill-Prof Falcone l-appoġġ istituzzjonali u personali tagħha.

Il-President Metsola żaret ukoll il-qabar ta’ Giovanni Falcone, fil-Bażilika Monumentale di San Domenico, u l-‘Monumento alle Strage di Capaci,’ li jinsab fil-post fejn inqatel il-mibki maġistrat Falcone.

Matul iż-żjara tagħha f’Palermo, il-President Metsola għamlet diskors ukoll fl-inawgurazzjoni tas-sena akkademika l-ġdida, fl-Università ta’ Palermo, fejn iltaqgħet ma’ studenti u staff akkademiku.

Din kienet parti miż-żjara li qed tagħmel il-President Metsola fin-nofsinhar tal-Italja. Matul il-vjaġġ tagħha, il-President Metsola iltaqgħet ma’ tfal, żgħażagħ u ħaddiema f’Lecce, Catanzaro u Caserta. Iż-żjara fl-Italja tintemm l-Erbgħa b’laqgħa mal-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni f’Palazzo Chigi, f’Ruma.