Internazzjonali Kurżitajiet

Trevor Jacob ħati li waqqa’ ajruplan sempliċiment sabiex jiġbed l-attenzjoni fuq youtube

Trevor David Jacob, il-youtuber ta’ 30 sena minn Lompoc, California weħel sitt xhur ħabs wara li qered l-ajruplan tiegħu stess li ntuża għal filmat li pproduċa. U dan għamlu sempliċiment sabiex jiġbed l-attenzjoni fuq youtube.

Kelliem għad-Dipartiment tal-Ġustizzja Amerikana qal li Trevor ġie kkundannat wara li fixkel l-investigazzjoni federali meta qered il-fdalijiet tal-ajruplan wara li dan iġġarraf.

Il-pilota u ‘skydiver’ tella’ video bit-titlu ”I crashed my plane” xahar wara li wettaq ‘stunt’ li rawha iktar minn 400 miljun persuna.

Jacob telaq waħdu mill-ajruport ta’ Lompoc f’Taylorcraft, fejn wara li kien ilu jivvjaġa għal 35 minuta, qabeż mill-ajruplan u ġibed video tiegħu nnifsu nieżel b’parachute.

Wara l-inżul tiegħu, Jacob mar fuq il-post fejn iġġarraf l-ajruplan u rnexxielu jirkupra filmati mill-cameras li kien hemm abbord dan l-ajruplan.

Id-Dipartiment tal-Ġustizzja qal li aktar tard Jacob tkellem mal-investigaturi rigward il-każ fejn akkużawh li ħeba l-fdalijiet tal-ajruplan.

Jidher li Jacob kellu patteġġament ma’ ‘sponsorship’ sabiex jippromwovi prodott ta’ kumpanija f’wieħed mill-videos tiegħu u ma kellu l-ebda intenzjoni sabiex ilesti l-vjaġġ tiegħu dakinhar.

Fl-10 ta’ Diċembru tas-sena 2021, Jacob u sieħbu marru fuq il-post fejn seħħ l-inċident b’helicopter li tella’ l-fdalijiet tal-ajruplan u ħadhom fi trailer li kien imqabbad mal-van tiegħu.

L-Amministrazzjoni Federali tal-Avjazzjoni ħadulu l-liċenzja tal-pilota f’April fis-sena 2022, u qalu li hu wera nuqqas ta’ responsabilità.