Raġel ta’ 29 sena mill-Etjopja u residenti l-Gudja ġie kundannat 16-il xahar ħabs wara li nstab ħati li f’Awwissu li għadda ttraffika d-droga cannabis u kellu fil-pusses tiegħu d-droga kokaina fi Triq San Ġorġ Paceville.
Omar Ismail Abdimalik nstab ħati wkoll li ikommetta dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru mill-parametru ta’ skola, club, jew xi post simili fejn normalment jiltaqgħu iż-żgħażagħ. Xhud importanti fost diversi kien Emanuele Santo li spjega illi fil-lejl ta’ bejn it-23 u l-24 ta’ Awwissu 2023, għal xil-11.30pm waqt li kien qiegħed jippassiġġa San Ġiljan viċin ħanut tat-tattoos u restaurant bl-isem ta’ “Da Nennella” resaq lejn l-imputat u saqsieh jekk kellux ħaxixa għall-bejgħ.
Dan wieġbu fl-affermattiv u offrilu li jbiegħlu tliet grammi grammi għal €40. Huwa ħallsu b’żewġ karti ta’ €20-il wieħed iżda qabel ma newwilulu laħqu marru l-Pulizija. Qal li l-ħaxixa laħaq raha u kienet f’borża trasparenti. Ix-xhud għaraf illi l-ħaxixa li xtara kienet dik fil-borza esebita fil-Qorti.
Meta mistoqsi jekk il-ħaxixa qattx kienet f’idejh huwa stqarr illi momentarjament kienet għandu iżda imbagħad waslu l-Pulizija. Surġent tal-Pulizija fuq dan il-każ qal li fl-24 ta’ Awwissu 2023 għal ħabta ta’ nofsillejl kien qiegħed patrol flimkien ma’ kuntistabbli fi Triq San Ġorġ, Paceville, bejn l-istabbilimenti Burger King u Spar, meta nnuttaw erba’ persuni li kienu qed jaġixxu b’mod suspettuż.
Marru fuqhom, huwa ħa lewwel tnejn filwaqt li l-kuntistabbli ħa t-tnejn l-oħra li kienu fuq ix-xellug. Sakemm mar fuq iż-żewġ persuni, meta kien qiesu erba’ metri ‘l bogħod minnhom, huwa ra sseħħ
transazzjoni bejniethom u x’ħin wasal mar fuq persuna minnhom li kellu borża tal-plastik b’dik li kienet tidher ħaxixa ġewwa fiha u ħadilu minn idejh.
Dan il-persuna kien l-imputat li huwa seta’ jagħraf fl-awla. Huwa għaraf il-borża bis-sustanza allegatament ħaxixa bħala dik esebita. Huwa saħaq li dak il-ħin il-borża kienet “fil-proċess ta’ żewġ idejn”. Huwa ġibed fil-ġenb lill-persuna l-oħra, Sqalli bl-isem ta’ Manuelo Santo,, u dan spjegalu illi huwa kien ħallas €40 lill-imputat
Saret tfittxija fuqhom dawn ġew rilaxxjati stante illi ma rriżulta li ma kellhom xejn fuqhom. Peress illi kien hemm każ suspettat ta’ traffikar ta’ droga kemm l-imputat u kemm it-Taljan ttieħdu l-Għassa ta’ San Ġiljan. Saret tfittxija sħiħa fuq l-imputat minn surġent tal-Pulizija, u minn din it-tfittxija nstab wallet b’żewġ sim cards u xi flus kontanti kif ukoll ħamest iqratas ta’ droga.
Fil-but ta’ wara tal-imputat instabu ukoll żewġ karti ta’ għoxrin euro ‘l wieħed. Fl-Għassa wara li ġie mgħarraf bid-drittijiet legali tiegħu l-imputat beda jinsisti li l-ħaxixa ma kienetx tiegħu. L-espert Dr. Godwin Sammut, spiżjar, li kien ġie maħtur mill-Qorti sabiex jirrelata dwar is-sustanza qal li saru eżamijiet fuq l-esebiti għall-preżenza tad-droga.
Tenna li l-ħamest iqratas b’sustanza bajda kienet id-droga kokaina li kellha piż totali ta’ 0.96 grammi u kellha purita’ ta’ 35%. Jirriżulta illi s-sustanza kienet buds tat-Tetrahydrocannabinol (THC). Il-piż totali tal-buds kienet ta’ 3.51 grammi u l-purita’ kienet ta’ 5.5%.
L-imputat spjega illi fil-lejl ta’ bejn it-23 u l-24 ta’ Awwissu 2023 huwa kien qiegħed jipprova jsib lil xi ħadd li seta’ jħallaslu l-kera tal-post fejn kien qiegħed jgħix bil-mezz tar-Revolut, filwaqt l-imputat jħallsu flus cash dak il-ħin stess.
Kien sid il-kera stess illi talab lill-imputat sabiex jgħaddilu l-kera bir-Revolut. Huwa xorob xi ftit u kien xtara ukoll il-kokaina peress li jpejjipha. Huwa xtara l-kokaina dakinhar stess mingħand wieħed Malti li kien jaf lil ħabib tiegħu. Huwa xtraha bil-prezz ta’ €80. u ingħata l-kokaina f’ħamest iqratas.
Filwaqt li l-Malti li biegħlu l-kokaina kien qiegħed ħdejh, għadda Taljan u waqqfu sabiex jistaqsih minn fejn seta’ jixtri l-ħaxixa. Il-Malti qallu li kellu l-ħaxixa għall-bejgħ u ftehmu fuq prezz ta’ erbgħin ewro. Fil- ħin ġew il-Pulizija u sabuhom kollha flimkien.
Huwa insista illi fuq il-Malti l-Pulizija sabu ukoll il-ħaxixa imma imbagħad bdew jgħidu li din kienet tal-imputat u ħallewh jitlaq lill-Malti. Insista illi l-bodycam footage għandu turi li huwa qiegħed jgħid ilverità. Insista ukoll illi kienu ħamsa min-nies u mhux erbgħa u li dan il-fatt jista jiġi vverifikat mill-filmati tal-bodycam.
Huwa qal li meta l-Pulizija fittxew fir-residenza iegħu huma ma sabu xejn ħlief pipa sabiex ipejjep l-kokaina. Huwa qal li jixtri d-droga xi darba darbtejn fix-xahar. Huwa insista illi l-Malti għadda l-ħaxixa lilu u huwa għaddiha lit-Taljan. Meta t-Taljan qallu illi ma kienx hemm żewġ grammi -l-imputat qallu sabiex ikellem lill-Malti u mhux lilu.
Minbarra piena ta’ 16-il xahar priġunerija l-Qorti preseduta mill-Maġistrat Victor Axiak immultatu
s-somma ta’ € 800. Ikkundannatu wkoll għall-ħlas tal-ispejjeż konnessi mal-ħatra tax-Xjenzat Godwin Sammut, ammontanti għas-somma ta’ €338.47, liema spejjeż għandhom jitħallsu mill-ħati fi żmien tliet xhur.
Il-Qorti ordnat ukoll ir-rilaxx favur il-ħati tal-Black Tommy Hilfiger Wallet, 2 Epic Sim Cards, u s-somma ta’ €300. Tordna wkoll id-distruzzjoni tad-droga esebita sakemm ma hijiex bżonnjuża biex tintuża f’xi każ ieħor.