Lokali

“Fiduċjuż li ma huwa se jinstab ebda impatt fuq it-tempji” – Abela dwar il-blokka flats biswit il-Ġgantija

Kollox jindika li l-Labour favur aktar bini qrib it-tempji megalitiċi f’Għawdex

Jissokta t-tħassib enormi dwar il-proposta ta’ bini ta’ blokka  appartamenti fil-buffer zone tat-tempji megalitiċi tal-Ġgantija f’Għawdex. Dan hekk kif bosta esperti qed jenfasizzaw għall-preservazzjoni ta’ dan il-wirt storiku, inkluż il-Kamra Għawdxija tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex … filwaqt li l-gazzetti barranin ukoll ikkundannaw il-fatt li l-awtoritajiet Maltin taw il-benedizzjoni tagħhom sabiex tinbena din il-blokka flats hdejn it-tempji.

Minkejja dan kollu, u minkejja r-riskju li dawn it-tempji jitilfu l-istatus ta’ patrimonju dinji tal-UNESCO – il-Prim Ministru Robert Abela ta x’jifhem li dawn l-appartamenti se jinbnew.

Fil-fatt, meta mistoqsi minn Net News, żbilanċja ruħu billi qal li jinsab fiduċjuż li l-Heritage Impact Assessment ma huwa se jsib ebda impatt fuq it-tempji.

Għaldaqstant jidher li l-Gvern Laburista huwa favur tali bini minkejja li din id-deċiżjoni ġibdet il-kritika ta’ bosta għaqdiet u NGO’s fosthom dawk Għawdxin… għall-mod kif il-Gvern Laburista spiċċa jgħaddi bħal romblu minn fuq kulħadd anke fejn jidħol l-ambjent u l-presevazzjoni tal-wirt kulturali Malti.