Lokali

“Gvern Nazzjonalista jassigura ekonomija li tkompli tikber iżda mhux askapitu tal-Maltin” – Bernard Grech

“Gvern immexxi mill-PN se jkun qed jassigura li l-ekonomija tkompli tikber iżda dan se jsir mhux askapitu tal-poplu Malti u Għawdxi.”

Kien dan li wiegħed il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista li kellu fuq ir-radju Net FM meta kien qed jitkellem dwar is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna. Dan quddiem l-istħarriġ li ħareġ tal-Eurobarometer li wera li l-Maltin u l-Għawdxin jemmnu li s-sitwazzjoni ekonomika f’pajjiżna sejra għall-agħar.

“Hemm bżonn ta’ deċiżjonijiet għaqlin li l-Gvern ta’ Abela jrid jieħu minnufih,” qal Bernard Grech. “Huwa evidenti li Robert Abela għejja, xeba’ jigverna u nixef mill-ideat.”

Kien hawnhekk fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrimarka li l-poplu qed juri li qed ifittex gvern alternattiv, bil-Partit Nazzjonalista jista’ jkun dan. Fl-aħħar jiem, il-Partit Nazzjonalista ppreżenta tliet mozzijiet: mudell ekonomiku ġdid u viżjoni ta’ eċċellenza; l-isfida tal-għoli tal-ħajja; u governanza tajba u integrità fil-politika.

“Aħna se nkunu qed noffru mudell ekonomiku ġdid b’xogħolijiet ta’ kwalità u li jħallsu iktar minn dawk li qed joffri l-Gvern Laburista,” qal Bernard Grech. “Gvern li jwessa’ l-opportunitajiet ta’ vera għal kulħadd.”

Bernard Grech qal li n-nies qed tiġi affetwata minn nuqqasijiet serji tal-Gvern Laburista li qed jinjora dawn il-kwistjonijiet tant li l-poplu qed iħossu abbandunat.

Kien għalhekk li Bernard Grech appella biex wieħed jgħin lill-Partit Nazzjonalista fil-maratona ġbir ta’ fondi li se ssir nhar il-Ħadd li ġej.

Bernard Grech appella lill-poplu biex jissieħeb mal-PN u sostna li d-donazzjonijiet li jingħataw lill-PN huma turija ta’ appoġġ u messaġġ politiku favur il-PN.