Internazzjonali

Il-Battalji f’Gaza: Gwerra mifruxa fuq il-fronti kollha, bil-kalvarju qed jiżdied għall-Palestinjani

L-Armata Iżraeljana, wara ġimgħat ta’ battalji fit-Tramuntana ta’ Gaza, qed tikkonċentra dejjem aktar l-offensiva fuq iz-zoni ta’ Gaza lejn in-Nofsinar fejn għad hemm il-bejtiet attivi tat-terroristi tal-Ħamas.

Fl-aħħar sigħat, il-battalji intensifikaw fil-belt ewlenija ta’ Khan Younis – fortizza importanti tal-Ħamas – u fost rapporti li l-ġlied kien għaddej minn dar għal dar fost it-telf ta’ ħajja sussegwenti.

Il-kampanja militari ta’ Iżrael tista’ qed tidħol f’fażi deċiżiva waqt din il-gwerra kontra t-terrur. Fil-fatt,  żdiedu l-indikazzjonijiet li l-Kapijiet ewlenin tal-Ħamas li pjanaw l-aħħar massakri taċ-ċivili f’Iżrael għandhom il-moħbiet f’Khan Younis.

Il-Mexxej tal-Ħamas f’Gaza, Yahya Sinwar u Mohammed Deif li jikkmanda l-fergħa militari tal-Ħamas it-tnejn għandhom ir-residenzi tagħhom fil-belt partikulari. Sinwar u Deif huma mfittxija minn Iżrael bħala terroristi ewlenin li għandhom ‘idejhom imċappsin bid-demm ta’ mijiet ta’ Iżraeljani’.

Sadanittant, Iżrael ma jidhirx li qed jirrispetta l-appelli tal-Istati Uniti biex tieħu l-miżuri kollha possibbli biex tevita telf ta’ħajja bla bżonn fost iċ-ċivili Palestinjani.

Dan meta s-sitwazzjoni baqgħet iddisprata għaċ-ċivili ta’ Gaza. Filwaqt li l-mijiet tal-eluf ta’ Palestinjani, fl-aħħar ġimgħat, kienu sfurzati jitilqu mit-Tramuntana ta’ Gaza, l-Iżraeljani komplew bil-pressjoni fuq ir-residenti ta’ Khan Younis biex jirrilokaw lejn l-aċċess ta’ Rafah, mal-fruntiera ta’ Gaza mal-Eġittu kif ukoll lejn iz-zona ta’ al-Mawasi viċin il-kosta.

Fl-istess ħin, Iżrael ma jidhirx lest li jnaqqas mill-offensiva fuq il-Ħamas f’Gaza meta akkost ta’ kollox irid jelimina t-theddida tat-terroriżmu għall-poplu tiegħu. Intant, il-fatt li l-Ħamas qegħdin jinħbew u jirreżistu minn fost il-komunitajiet taċ-ċivili mhux qed jgħin biex l-Iżraeljani jnaqqsu mill-intensità tal-azzjonijiet militari.