Kultura Lokali

Il-Festa Maltija rikonoxxuta bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO

Il-Festa Maltija ġiet rikonoxxuta uffiċjalment bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.

Dan ir-rikonoxximent ingħata bl-approvazzjoni tat-18-il Sessjoni tal-Kumitat Intergovernattiv għall-Ħarsien tal-Patrimonju Intanġibbli tal-Umanità li qed isir fil-Botswana. Il-festa Maltija kienet rikonoxxuta għall-valuri komunitarji li tippromwovi, il-promozzjoni tal-arti u l-inklussività.

L-applikazzjoni tal-Festa Maltija kienet ippreżentata mill-Għaqda Każini tal-Banda u sabet l-appoġġ sħiħ tal-Kurja Maltija u l-komunitajiet tal-festi Maltin. L-applikazzjoni daħlet għand il-UNESCO fis-sena 2021, u l-proċess kien kontinwament mgħejjun mill-Uffiċċju għall-Wirt Intanġibbli fi ħdan id-Direttorat tal-Kultura u l-espert inkarigat, Jean Paul Baldacchino, li huwa professur tal-Antropoloġija fl-Università ta’ Malta.

F’Novembru, il-Kumitat Tekniku, li jeżamina kull applikazzjoni li tidħol għar-rikonoxximent tal-UNESCO bħala wirt intanġibbli, irrakkomanda li l-festa Maltija tkun miżjuda mal-Lista ta’ Patrimonju Intanġibbli tal-Umanità.

Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kumitat Tekniku faħħar il-mod eżemplari li bih kienet ippreżentata l-
applikazzjoni, kif ukoll il-produzzjoni awdjo-viżiva li saret biex takkumpanja din l-applikazzjoni, liema produzzjoni kienet magħżula bħala waħda mill-best practices fejn jidħlu l-applikazzjonijiet.
Kien imfaħħar ukoll is-sehem tal-Gvern Malti biex isostni lill-komunità lokali fl-applikazzjoni tagħha.