Lokali Qorti

Il-każ dwar il-job fantażma ta’ Melvin Theuma riesaq lejn tmiemu

Ritratt: Melvin Theuma flimkien ma' Keith Schembri f'Kastilja.

Riesaq lejn tmiemu l-każ kontra ħamest irġiel akkużati taw job fantażma mal-Gvern lil Melvin Theuma, permezz ta’ xogħol illegali u li huwa qatt ma ried jew applika għalih u li tħallas għalih minkejja li qatt ma mar fuq il-post tax-xogħol.

Dan il-job kien ingħata xhur biss wara li Theuma kien għen biex tinqatel il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Meta kompla l-każ u ħareġ lix-xhieda issa hija prattikament eżawrita l-Maġistrat Monica Vella staqasiet jekk l-akkużati humiex se jixhdu fis-seduta li jmiss. Kien biss Sandro Craus li ta l-kelma tiegħu lill-Qorti li kien lest li jixhed.

Fil-każ tal-erba’ akkużati l-oħra – Yorgen Fenech, Keith Schembri, Anthony Ellul u Anthony Muscat dawn qalu li jridu jirregolariżżaw ruħhom, bil-Qorti tagħthom 15-il jum ċans biex jinfurmawha dwar x’se tkun il-pożizzjoni tagħhom. Kull akkużat għandu d-dritt skont il-liġi jekk iridx jixhed jew le fil-proċeduri li jkunu għaddejjin kontrih.

Yorgen Fenech, diġà jinsab akkużat b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Keith Schembri huwa l-eks chief of staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fi żmien l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Sandro Craus huwa  l-eks kap tal-customer care fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, Anthony Ellul huwa eks segretarju privat fil-ministeru tal-familja filwaqt li Anthony Muscat  huwa l-eks CEO ta’ Housing Maintenance and Embellishment Co Ltd.

F’Ottubru li għadda l-Maġistrat Monica Vella kienet iddikjarat li jeżistu raġunijiet biżżejjed – prima facie biex l-akkużat jitpoġġew taħt att ta’ akkuża u għalhekk ikompli l-proċess konrtihom quddiem il-Qorti Kriminali.

Il-Qorti qalet li kienet se tisma’ x-xhieda ta’ Sandro Craus nhar it-Tlieta, 30 ta’ Jannar fis-1pm. F’każ li xi ħadd mill-akkużati l-oħra jiddeċiedu li jixhdu, l-Qorti qalet li se tkun qed tismagħhom ukoll dak inhar. L-Ispetturi Nicholas Vella u Brian Paul Camilleri qed imexxu l-prosekuzzjoni.

L-avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca qed jiddefendu lil Yorgen Fenech. L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo qed jassistu lil Keith Schembri. L-Avukat Stefano Filletti qed jassisti lil Anthony Muscat. L-avukati Vince Micallef u Ryan Ellul qed jirrappreżentaw lil Anthonu Ellul u għal Sandrio Craus qed jidhru  l-avukati Michael Sciriha u Lucio Sciriha.