Lokali

”Il-volontarjat jgħinna nibnu soċjetà aktar b’saħħitha”- il-President George Vella

“Il-volontarjat kien, għadu u jibqa’ wieħed mill-pilastri ewlenin fuq xiex iserraħ il-futur tal-poplu tagħna. Dan ngħidu għax nemmen bis-sħiħ li l-volontarjat jgħinna nibnu soċjetà iktar b’saħħitha”. Dan kien li ntqal mill-President George Vella waqt iċ-ċerimonja tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2023.

Il-President George Vella stqarr li mill-bidu tal-Presidenza tiegħu hu ħass li għandu jagħti ċertu importanza lis-settur tal-volontarjat f’pajjiżna sabiex ikun hemm iktar sens t’għaqda u solidarjetà.

Waqt li feraħ lir-rebbieħa u ta r-ringrazzjament tiegħu lil kull voluntier hu radd ħajr lill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat li qiegħed jiċċelebra l-ħmistax-il sena mit-twaqqif tiegħu. Dr Vella nnota b’sodisfazzjon it-tema magħżula għal dan l-anniversarju, ‘Giving voice and visibility to the voluntary sector’.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli fissret il-
volontarjat bħala teżor nazzjonali li rridu ngħożżuh u rreferiet għax-xogħol siewi li għamel il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.

Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2023 huma:

Voluntier tas-sena: Noel Aquilina, Malta Wheelchair Basketball Association
Voluntier Żagħżugħ/a tas-sena: Marius Barbara, Karibu! Malta
Organizzazzjoni Volontarja tas-sena: Down Syndrome Association Malta
Premju Victor Calvagna – tfal fil-volontarjat: Jake Vella nominat mill-Malta Sports Journalists Association
Premju Speċjali għal ħidma volontarja minn individwu fil-komunità: Fr Hilary Tagliaferro