Lokali

It-titjiriet tal-Air Malta jerġgħu jibdew joperaw minn u lejn Munich wara li iktar minn 1,200 passiġġier baqgħu l-art għal jiem sħaħ

Is-sitwazzjoni fl-Ajurport ta’ Munich ġiet xi ftit jew wisq lura għan-normal wara li l-bierah it-titjiriet tal-Air Malta minn Munich għal Malta, u viċe versa, reġgħu bdew joperaw wara ammont sostanzjali ta’ borra li niżlet fil-Bavarja.

Sal-bieraħ, permezz ta’ tweet, l-Ajruport ta’ Munich qal li fiz-zona għad hemm ir-restrizzjonijiet biex it-titjiriet imorru fid-destinazzjoni tagħhom tant li fil-maġġoranza tat-titjiriet kienu għadhom qed jiġu kkanċellati. Għalkemm minn nhar il-Ġimgħa l-ajurport ikkanċella t-titjiriet kollha għal jiem sħaħ, fl-aħħar sigħat beda jippermetti li xi wħud mit-titjiriet isiru, b’dawk tal-Air Malta jerġgħu jibdew joperaw mill-bierah filgħaxija.

Fl-aħħar jiem iktar minn 1,200 passiġġier kellhom jibqgħu Malta jew Munich sakemm is-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal.

Fil-jiem meta t-titjiriet tal-Air Malta ma kienux qed joperaw, uħud mill-passiġġiera għażlu li jmorru fi bliet oħra barra mill-Bavarja sabiex jaqbdu titjira oħra li tieħodhom lura lejn Malta. Għalkemm din ma kinitx wisq faċli hekk kif it-trasport pubbliku kollu, inkluż tal-linja u l-ferroviji kienu qed jesperjenzaw dewmien u saħansitra kienu qed jiġu kkanċellati wkoll. Dan wassal biex kien hemm min għażel li jaqbad taxi lejn xi ajruporti oħra.

B’kollox ġew ikkanċellati disa’ titjiriet tal-Air Malta minn u lejn Munich.

Illum hemm skedati li jaslu lura Malta minn Munich żewġ titjiriet tal-Air Malta, KM 307 u KM 309, fit-2:40 pm u fid-9:10 pm, rispettivament. Dan filwaqt li hemm skedati li jitilqu minn Malta lejn Munich it-titjiriet KM 306 u KM 308, fid-9:05 am u fl-15:40 pm, rispettivament.