Lokali

Maratona ġbir ta’ fondi mill-PN nhar il-Ħadd li ġej

Nhar il-Ħadd li ġej il-Partit Nazzjonalista se jorganizza maratona ġbir ta’ fondi fid-Dar Ċentrali bl-iskop li tkompli tissaħħaħ il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista.

Dwar l-importanza ta’ din l-inizjattiva ġbir ta’ fondi tkellimna ma’ Segretarju Ġenerali tal-PN Michael Piccinino.

Hu qal li l-appell jibqa’ wieħed – sabiex kulħadd ikun ġeneruż u jipparteċipa bis-sħiħ, hekk kif bl-użu għaqli tad-donazzjonijiet, se jkompli jsir investiment fil-media tal-Partit Nazzjonalista u jitwassal l-aqwa servizz. Dan wara li l-aħħar stħarriġ ikkonferma li Net Media tibqa’ fost l-aqwa f’pajjiżna…u Net Television qed ikompli jkabbar l-udjenzi.

Parti minn dan is-suċċess huwa dovut għall-investimenti li saru fil-passat; investimenti li ġew mid-donazzjonijiet tal-pubbliku. U issa, il-pass li jmiss issa hu li jissokta l-investiment anke f’NET FM sabiex anke l-istazzjon tar-radju jkun fost l-aqwa f’pajjizna, sostna Michael Piccinino.

Il-maratona tal-Ħadd, li se tixxandar LIVE fuq Net Television u Net FM tibda fil-11 ta’ filgħodu u tiġi fi tmiemha fil-11 ta’ filgħaxija.