“Ilna niġru wara l-awtoritajiet mill-2019 – l-ERA tgħidilna li m’hemmx qafas legali”
Ir-residenti qed jinkisrulhom id-drittijiet bażiċi tagħhom – ma jistgħux jiftħu tieqa, l-irwejjaħ xi kultant ikunu instapportabbli…u l-awtoritajiet qed ifarfru.
Hekk saħaq is-Sindku tal-Iklin Dorian Sciberras meta l-Erbgħa waranofsinhar, f’kummenti li ta lil Net News insista li r-residenti li jgħixu fil-lokalità tal-Iklin u dawk tal-madwar…qed iħabbtu wiċċhom ma’ sfida li ċertament mhux tenibbli.
Dorian Sciberras insista li sa mill-2019 il-Kunsill Lokali ilu jħabbat il-bibien tal-awtoritajiet…su at-Tlieta filgħaxija stess meta kellhom diskussjoni mal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, bl-ERA tisħaq li dan kollu ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tagħha.
Huwa insista li din mhux ġlieda ma’ xi kumpanija partikolari li qed topera fiż-żona industrijali f’tal-Balal; imma hija għajta favur il-benesseri tar-resident.
Aktar kmieni Net News staqsa lill-Prim Ministru Robert Abela dwar din is-sitwazzjoni, b’Abela jinsisti li qed jistenna l-eżitu tal-Ombudsman…filwaqt li sostna li għadu mhux ċar mnejn ġejjin l-irwejjaħ.
Iżda Dorian Sciberras stqarr li l-ERA kkonfermat li l-irwejjaħ ġejjin miż-żona industrijali tal-Iklin…imma din l-awtorita għandha idejha marbutin.
Is-Sindku Nazzjonalista insista li hemm ksur ċar tad-drittijiet tal-bniedem.
Filwaqt li r-residenti għaddejjin bl-iffirmar ta’ petizzjoni b’rabta ma’ dan il-każ, Dorian Sciberras insista għal mitigazzjoni ta’ dawn l-irwejjaħ insapportabbli li r-residenti ilhom iħabbtu wiċċhom magħhom is-snin.
Kull min jixtieq jiffirma l-petizzjoni b’rabta ma’ din is-sitwazzjoni jista’ jagħfas din il-ħolqa.
//= $special ?>