Il-plejers żgħażagħ tat-table tennis Daniel David Scicluna u Julia Bonnici irrappreżentaw lil Malta fil-31 edizzjoni tat-Tazza tal-Mediterran li saret f’San Marino.
Kompetizzjoni miftuħa għall-plejers fil-kategorija ta’ taħt it-12-il sena b’parteċipazzjoni ta’ disa’ pajjiżi u diversi reġjuni Taljani. Il-koppja Maltija spiċċat fis-16-il post minn 25 parteċipant fil-Mixed Team Event.
Minn rebħiet kontra Trentino u Emilia Romagna, Scicluna u Bonnici avvanzaw sal-fażi tal-aħħar 16 fejn ġew eliminati sabiex imbagħad ħadu sehem fil-logħob ta’ klassifikazzjoni.
Fil-kompetizzjoni individwali, Julia Bonnici lagħbet darbtejn fejn kisbet rebħa u telfa filwaqt li Daniel David Scicluna tilef iż-żewġ logħbiet li kellu.
Fil-Plate Event, iż-żewġ plejers kisbu rebħa waħda fejn biha waslu sal-kwarti tal-finali. Kemm Scicluna kif ukoll Bonnici kienu taħt it-tmexxija ta’ Mario Genovese.
Il-parteċipazzjoni f’dan l-avveniment internazzjonali kien bidu ta’ pjan ambizzjuż sabiex aktar atleti li jipprattikaw it-table tennis ikollhom iċ-ċans jieħdu sehem f’dan it-tip ta’ tournaments li qed ikunu iffinanzjati mill-Kumitat Olimpiku Malti.
