Lokali

Alison Zerafa Civelli “fiduċjuża” wkoll li se jibnu ħdejn it-Tempji tal-Ġgantija

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, Alison Zerafa Civelli, jidher li bħall-Prim Ministru Robert Abela, taqbel li blokka ta’ appartamenti jinbnew fil-buffer zone tat-tempji Megalitċi tal-Ġgantija; tempji li huma meqjusa bħala wirt storiku dinji mill-UNESCO u li huma eqdem mill-Piramidi tal-Eġittu.

Meta mistoqsija minn Net News għal tweġiba ċara ta’ iva jew le jekk taqbilx li tinbena din il-blokka flats biswit it-tempji f’Għawdex…inizjalment ħadet il-pożizzjoni tal-Ministru Owen Bonnici. Għalkemm ftit wara, spiċċat taqbel ma’ dak li qal Robert Abela.

Wara li l-gazzetti barranin ikkundannaw l-fatt li l-awtoritajiet Maltin taw il-benedizzjoni taghhom biex tinbena blokka flats ħdejn it-tempji megalitiċi tal-Ġgantija – bl-Awtorità tal-Ippjanar tapprova l-bini u s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali b’pożizzjonijiet dubjużi għall-aħħar….fl-14 ta’ Novembru Owen Bonnici kien għażel li jżomm kawt u jistenna l-eżitu tal-appell. Iżda kien naqas għal kollox milli jieħu pożizzjoni xierqa, minkejja r-riskju li dawn it-tempji jitilfu l-istatus ta’ patrimonju dinji.  

Dan għad-differenza tal-Prim Ministru Robert Abela illi l-Erbgħa filgħodu insista b’mod ċar illi jinsab fiduċjuż li l-Heritage Impact Assessment ma kien se jsib xejn ta’ impatt fuq dawn it-tempji storiċi.

Lil Zerafa Civelli, meta fakkarniha x’wieġeb Abela l-jum ta’ qabel… insistiet li bħalu għandha fiduċja li l-Impact Assesment m’hu se jsib xejn ħażin.

Ironikament, f’nifs wieħed tat x’tifhem li favur il-kostruzzjoni biswit dawn it-tempji…u f’nifs l-ieħor insistiet li għandha fiduċja fil-Kunsilli Lokali – l-istess kunsilli li fl-aħħar xhur u snin spiċċaw fgati u mgħobbija b’kostruzzjoni u piżijiet eżaġerati, mingħajr ma fadlilhom aktar kontroll ħlief vuċi tgħajjat qalb il-kakofonija li ġab miegħu dan il-Gvern.