Lokali Qorti

Appell mhux milqugħ fil-konfront ta’ mekkanik li żarma BMW għall-parts

Mekkanik ta’ 37 sena miż-Żurrieq magħruf bħala “Il-Ħasi” kellu l-appell tiegħu mhux milqugħ bil-Qorti tal-appell tikkonferma kundanna ta’ 20 xahar ħabs sospiżi għal tliet snin wara li nstab ħati li f’April tal-2019 żarma karozza BMW 5 Series, biex minnha jieħu l-part. Din il-karozza kienet insterqet mill-parkeġġ Park and Ride tal-Marsa, biex Charles Falzon jagħmel qliegħ minn fuqha.

Falzon instab ħati mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li laqa’ għandu ħwejjeġ misruqa bl-iskop biex ibiegħhom. Huwa pero ma nstabx ħati li sar reċediv. Il-vittma Pauline Ellul kienet spjegat fil-Qorti li kienet ħalliet il-BMW fil-Park and Ride tal-Marsa u meta marret għaliha ma sabitix hemm.

Il-każ kien solvut meta ħabib tagħha kien mar jixtri il-parts ghall-karozza tiegħu minn garaxx ta’ Falzon u hemm kien raha l-BMW tagħha u nduna ta’ min kien u li kien misruq. Huwa ċemplilha u meta marret fuq il-post, sabet il-karozza żarmata.

Wara li l-vittma kellmitu u ġiegħlitu jgħidilha minn fejn ġabha, qalilha li kien ġabha mingħand xi ħadd jismu Owen u li kien partata ma’ karozza Peugeot Kienet qalet li 11-il sena qabel insterqet kienet xtrat il-karozza għas-somma Lm20,000 u kienet ħallset madwar €49,000 lid-dealer u kienet ghada qed tħallasha.

Meta tkellmet ma’ Falzon irrimarkat miegħu li l-vettura kienet ghada prattikament gdida fis-sens li l-mileage huwa baxx. Skont Falzon kien sar tpartit bejn il-karozza li mhix tajba biex tinstaq u karozza oħra Peugeot 406.

Fi stqarrija kien qal li wieħed Owen kien qallu li l-BMW kienet tajba għall-parts biss u kien lest li jintlaħaq ftehim ta’ tpartit ma’ Peugeot 406 li kellu Falzon. Qal li għall-ewwel ma kienx se jeħodha għax ma kellux ħin iżarmaha iżda l-bejjiegħ wegħdu li jmur jgħinu. 

Fl-appell tiegħu, Falzon qal li meta ġiet għandu l-karozza ma kinitx fl-istess kundizzjoni li qalet sidha. Qal li f’xahrejn u nofs il-vettura għaddiet għand diversi nies qabel ġiet għandu. Qal li mhux vera kienet tieħu ħsiebha għax kieku mhux se tħalliha ħmistax fil-Park and Ride. 

Qal li l-valutazzjoni tal-karozza kien jirrifletti l-prezz ta’ Jannar, 2019 iżda f’xahrejn u nofs inbidel kollox u l-vettura kienet ma taħdimx. IlQorti tal-Appell qalet li m’għandha l-ebda dubju li l-karozza kienet insterqet. Innotat li sidt il-karozza ġiet mgħarrfa fejnha l-karozza minn persuna oħra u sabitha żarmata fil-garaxx tal-appellant. Innotat li l-vettura nsterqet minn terzi persuni li baqgħu mhux identifikati.

L-Ispettur Roderick Agius li nvestiga l-każ qal li l-vittma kienet għamlet rapport fl-għassa Ħal-Qormi fuq is-serqa fejn stqarret illi 15 il-ġurnata wara kienet marret fejn ħalliet il-karozza, ma kinitx sabitha Qal li l-pulizija analizzat is-sistema tas-CCTV biex tara x’sar minnha u sar magħruf li din il-vettura kellha l-liċenzja tagħha skaduta u ma kienx qed isir użu minnha.

Qal li meta marret l-għassa ta’ Ħal Qormi Ellul stqarret illi l-vettura tagħha kienet tinsab f’garaxx fiż-Żurrieq u qalet illi l-garaxx huwa propjetà taż ċertu Charlot Falzon. Qalet ukoll li l-BMW tagħha kienet diġà bdiet titqatta’ u kien hemm diversi parts illi kienu jidhru nieqsa.

Surġent tal-Pulizija kien mar fil-garaxx ta’ Falzon fejn irriżulta illi din spiċċat fil-pussess tiegħu meta ċertu Owen Camilleri kien ħadhielu u qablu li kienu se jpartu l-BMW ma’ vettura oħra tal-għamla Peugeot. Il-vittma u l-imputat kienu waslu fi ftehim li kien se jerġa’ jarma din il-BMW fl-istat oriġinali tagħha u kien ser jirritornaha lura. Biss, wara li għadda ftit taż-żmien ma kienx sar progress u għalhekk il-pulizija marru fuq il-post u tkellmu ma’ Charlot Falzon.

Il-vettura ttieħdet mill-garaxx tiegħu għall-garaxx tal-Pulizija f’St. Andrew’s sabiex issir investigazzjoni. Falzon kien spjega mal-pulizija li kien avviċinah Owen Camilleri fejn kien qallu li kellu BMW 5 Series u waslu fi ftehim biex ipartathielu ma’ Peugeot 406 minħabba l-fatt li Falzon kien jaħdem ukoll il-karozzi tal-għamla BMW.

Il-qorti sostniet li għalhekk Falzon kellu jieqaf u jaħseb u tenniet li l-aġir tiegħu ma kienx dak ta’ wieħed li għax sab bargain jieħdu. Qalet li l-evidenza turi li kien hemm xi ħaġa ħażina. Il-Qorti ċaħdet l-appell u kkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti.

Sid il-garaxx Charlot Falzon qal lill-Pulizija li kien xtara l-BMW bil-prezz ta’ madwar Lm3,000 mingħand wieħed magħruf bħala “Il-Kamillu”, li wara irriżulta kien Owen Camilleri, u qal kien qalilna li kien ġabulu b’tow truck vann żgħir xi erbat ijiem qabel. Għall-akkużat deher l-avukat Alfred Abela filwaqt li għall-vittma deheru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.