Lokali Qorti

Arrestat wara li allegatament seraq minn diversi ħwienet f’Tas-Sliema u l-Belt Valletta

Kmieni il-Ħamis filgħodu, raġel ta’ 21 sena, kien arrestat mill-Pulizija wara li allegatament wettaq serqa minn ħanut f’Tas-Sliema.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta wkoll li l-istess persuna, allegatament wettaq tliet serqiet oħra matul l-istess ġurnata, waħda fil-Belt Valletta u tnejn oħra f’Tas-Sliema.

L-Erbgħa għall-ħabta tad-9pm, il-Pulizija ġiet infurmata li kien daħal raġel armat b’sikkina, f’ħanut fi Triq Sir Adrian Dingli, f’Tas-Sliema, u talab il-flus lill-kaxxier, raġel ta’ 37 sena residenti San Pawl il-Baħar.

Il-ħalliel ħarab mill-ħanut b’ammont ta’ flus kontati u xi oġġetti oħra li seraq mill-ħanut.

L-investigazzjonijiet u tfittxijiet għall-persuna li wettqet din is-serqa bdew immedjatament.

Il-Maġistrat tal-Għassa Lara Lanfranco ġiet infurmata u ħatret inkjesta dwar il-każ.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li r-raġel li wettaq is-serqa f’Tas-Sliema huwa l-istess wieħed
li aktar kmieni fl-istess ġurnata, għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, daħal f’lukanda fi Triq l-Ifran,
il-Belt Valletta fejn allegatament seraq ammont ta’ flus kontanti.

Wara, għal-ħabta tal-4am, wettaq serqa minn hostel li jinsab fi Triq Sir George Borg, f’Tas-Sliema fejn seraq xi flus kontanti minn kaxxa li kienet wara l-bank tar-reception u ftit aktar tard, seraq kartiera u mobile minn vettura fi Triq it-Torri, f’Tas-Sliema.

Wara numru ta’ tfittxijiet f’postijiet fejn jiffrekwenta r-raġel, il-Pulizija rnexxiela ssibu il-Ħamis filgħodu
fil-Belt Valletta u kien arrestat.

Waqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin, huwa mistenni jitressaq il-Qorti fil-ġranet li ġejjin.