Għalliema li llum għandha 38 sena, u li hija minn Ħal Luqa ppreżentat rikors fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn qed tgħid li l-vaċċin mogħti lilha b’rabta mal-Covid 19 ħolqilha problemi ta’ saħħa permanenti wara li kien ingħata lilha b’mod ħażin.
Hi qalet li kienet irċeviet l-ewwel doża tal-vaċċin tad-ditta AstraZeneca fit-3 ta’ Marzu tas-sena 2021 fl-Universita’ ta’ Malta, l-Imsida, fuq spallejha x-xellugija. Qalet li ftit minuti wara li ngħatalha bdiet issofri minn uġigħ qawwi fuq spallejha, liema uġigħ kompla jinfirex ma’ driegħha u idha kollha.
Ir-rikors ġie ppreżentat kontra l-Ministru tas-Saħħa, s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, d-Direttur Ġenerali tad-Dipartimenti tas-Servizzi tas-Saħħa u l-Uffiċjal Mediku Ewlieni tal-Gvern. L-allegata vittma qalet li fid-29 ta’ Marzu 2021, marret għand it-tabib tal-familja David Fenech, fejn iċċertifikiha li qed issofri minn uġigħ qawwi fi spallejha x-xellugija minħabba kumplikazzjoni li żviluppat wara li ħadet il-vaċċin u ordnalha biex ma ssuqx.
Qalet li minħabba f’hekk kemm-il darba kellha tmur l-Isptar ta’ Mater Dei minħabba dan l-uġigħ persistenti u saħansitra kellhom isirulha bosta MRI’s. Fit-13 ta’ April 2021, invistaha l-Konsulent
Newrologu Mr Malcolm Vella fejn kif jirriżulta minn kopja taċ-ċertifikat mediku li għamlilha, hu rrefera lilha għand konsulent ortopediku.
Dan għax isusspetta li qed issofri minn kundizzjoni bl-isem ta’ ‘SIRVA’ li proprju tfisser ‘Shoulder Injury Related to Vaccine Administration’. Ir-rikors ikompli jgħid li fit-12 ta’ Mejju 2021, l-għalliema rċeviet it-tieni doża ta’ dan l-imsemmi vaċċin, liema vaċċin ġie amministrat mill-‘Head Nurse’ ġewwa l-Universita’ ta’ Malta, l-Imsida, u din id-darba fi’ driegħha l-leminija, ma sofriet minn l-ebda uġigħ jew kumplikazzjoni.
Qalet li għaldaqstant, huwa ċar li d-debiltà tagħha setgħet tiġi faċilment evitata li kieku l-ewwel doża tal-vaċċin AstraZeneca, ġiet amministrata lilha mill-impjegati mid-Dipartiment tas-Saħħa, jew min minnhom, b’mod korrett, b’ħila skont l-arti u s-sengħa, u kif proprju hu mistenni mill-professjoni medika.
Qalet ukoll illi fid-19 ta’ Lulju 2021, il-kirurgu ortopediku Mr Kurstein Sant irrelata “Hi għandha 35 sena u li saret l-injezzjoni tagħha tal- COVID fit-3 ta’ Marzu 2021. Kienet mogħtija din l-injezzjoni fl-ispalla tax-xellug tagħha fejn iddeskriviet id-dħul fil-punt li huwa qrib l-acromion fuq in-naħa laterali tagħha tal-ispalla.
Hi mmedjatament ilmentat minn ammont eċċessiv ta ‘uġigħ meta mqabbla ma’ injezzjonijiet ta’ tilqim preċedenti. Dan l-uġigħ ma kienx issolva u wara ftit jiem bdiet tesperjenza spażmi fix-xellug tal-ispalla tagħha.
Illi l-imsemmi kirurgu ortopediku Sant avża lid-Dipartiment tas-Saħħa bill-possibilità tal bżonn ta’ operazzjoni għaliex il-bosta ‘steriod injections’ li kienu qed jiġu amministrati fuq l-ispalla xellugija tagħha ma bdewx jaħdmu biex itaffu l-infjammazzjoni qawwija li qed issofri minnha.
Konsegwenza ta’ dan, ġarrbet danni kemm minn telf ta’ introjtu, xogħol u sahra kif ukoll telf materjali u spejjeż oħra hekk kif se jirriżulta aħjar waqt it-trattazzjoni tal-kawza. Inoltre, bħala konsegwenza, ġarrbet u sofriet debilità permanenti hekk kif ukoll se jirrizulta ahjar waqt it-trattazzjoni tal-kawza.
Qalet ukoll li minħabba din d-debilità permanenti minnha sofferta, hi se jkollha tkompli ġġorr spejjeż sostanzjali ta’ kura u assistenza ta’ natura rikorrenti fil-futur. Ir-rikors jgħid ukoll li għal dan l-akkadut u konsegwenzjali danni huma unikament responsabbli u jaħtu l-dawk li l-kawża nfetħet kontrihom – minħabba imprudenza, nuqqas ta’ diligenza, nuqqas ta’ hsieb, imperizja, traskuragni, negligenza, u inosservanza tar-regolamenti u tal-ligi.
Minkejja li l-Ministru u s-subalterni tiegħu kienu nfurmati diġa’ permezz ta’ protest ġudizzjarju fl-20 ta’ Diċembru 2021, sabiex jersqu għal likwidazzjoni u għal ħlas tad-danni subiti mill-għalliema b’konsegwenza ta’ dak li ġara, huma baqgħu m’għamlu assolutament xejn.
L-allegata vittma qalet li għalhekk kellha ssir din il-kawża. Qed titlob ukoll lill-Qorti biex tiddikjara lil dawk li saret il-kawża kontrihom,li huma unikament responsabbli għal dak li seħħ fit-3 ta’ Marzu, 2021. Hi sfat milquta b’ debilità permanenti sofferti fi spallejha x-xellugija u dan b’ kaġun dirett tal-fatt li l-vaċċin ma ġiex lilha amministrat b’mod korrett u xieraq, u b’ħila u skont l-arti u s-sengħa, kif inhu proprju mistenni mill-professjoni medika.
Il-Qorti ġiet mitluba biex tiddikjara li l-Ministru u d-Dipartimet tas-saħħa huma responsabbli għad-danni kollha sofferti u li għad se jiġu sofferti mill-mara u għalhekk it-talba hi li l-Qorti għandha tillikwida d-danni kollha minħabba d-debilità permanenti.
Għalhekk għandha tikkundannahom ukoll sabiex iħallsuha dak l-ammont hekk likwidat bl-imgħax legali skond il-liġi. Ir-rikors ġie ffirmat mill-Avukat Mariah Mula.
//= $special ?>