Lokali Qorti

Ħames snin u erba’ xhur ħabs talli abbuża sesswalment minn tfajla ta’ 16-il sena f’Paceville

Franċiż intbagħat ħames snin u erba’ xhur ħabs wara li ammetta li sentejn ilu abbuża sesswalment minn tifla taħt l-età f’nightclub ġewwa Paceville waqt li kien qiegħed f’vaganza Malta. Lionel Seux, ta’ 51 sena wieġeb ħati li wettaq l-atti f’Settembru tal-2021.

Skont evidenza li ħarġet fil-qorti waqt il-kumpilazzjoni, Seux akkumpanja tfajla ta’ 16-il sena fit-tiolet tan-nightclub għall-ħabta tas-1am tal-20 ta’ Settembru. Meta daħal ġewwa, ssakkar il-bieb, neħħielha l-ħwejjeġ u wara neħħa tiegħu, biex wara kompla biex beda jmiss lilha u lilu nnifsu b’mod mhux xieraq. Il-Qorti semgħet li kien biss it-taħbit bla waqfien fuq il-bieb mill-ħabib tat-tifla li waqqaf lill-akkużat milli jagħmel xi ħaġa oħra.

Wara li l-prosekuzzjoni għalqet il-provi, Seux iddeċieda li jwieġeb ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih. Huwa ngħata ċ-ċans li jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni tiegħu ta’ ħati wara li ġie mwissi li r-reati li kien wettaq iwasslu għal massimu ta’ disa’ snin ħabs.

Huwa kkonferma l-ammissjoni tiegħu meta deher quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Huwa nstab ħati ta’ avvanzi sesswali mhux kunsenswali ma’ minorenni u li żamm lit-tifla kontra l-volontà tagħha peress li ssakkar il-bieb tat-tiolet u ma ħallijhiex titlaq.

Il-maġistrat qalet li għalkemm kien ammetta għall-akkużi, dawn saru fi stadju tard fil-proċeduri, wara li l-prosekuzzjoni ressqet ix-xhieda kollha tagħha. Huwa, għalhekk, ma setax jibbenefika mit-tnaqqis sħiħ fil-piena bħal dawk li jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ ħtġja b’mod bikri.

Il-Maġistrat ikkundannat lil Seux ħames snin u erba’ xhur ħabs u ordnat li l-perjodu li qatta’ f’kustodja preventiva jitnaqqas mill-perjodu li jrid jagħmel il-ħabs. Huwa kien ordnat ukoll iħallas ftit inqas minn €5,100 fi spejjeż tal-qorti relatati mal-ħatra ta’ esperti tal-qorti. L-ispetturi tal-Pulizija John Spiteri u Leeroy Balzan Engerer mexxew il-prosekuzzjoni.