Erbatax-il ċiklist li daħlu għal-LifeCycle Challenge tal-2023 waslu b’suċċess f’Kuala Lumpur nhar it-Tlieta, 5 ta’ Diċembru. Għaxart ijiem qabel, huma kienu telqu minn Bangkok fit-Tajlandja, u minn hemm bdew vjaġġ ta’ 2,000 kilometru sal-Malasja biex jiġbru fondi għall-pazjenti tal-kliewi f’Malta u biex iqajmu kuxjenza dwar is-saħħa tal-kliewi.
Bħala test iebes fir-reżiljenza, il-LifeCycle Challenge jirrikjedi sforz kbir fiżiku u mentali miċ-ċiklisti biex ta’ kuljum iqattgħu ħafna sigħat fuq ir-rota għal għaxart ijiem konsekuttivi, u jiffaċċjaw it-terren u kundizzjonijiet oħra li jsibu tul it-triq, li din is-sena kienu jinkludu klima tropikali ddominata minn temp sħun, umdu u imxarrab.
Fl-ispirtu veru tal-LifeCycle Challenge, is-sensazzjoni ta’ serħan, kisba u kburija meta ċ-ċiklisti qasmu l-linja finali kienu akkumpanjati minn ħsieb ta’ solidarjetà u empatija għall-pazjenti tal-kliewi, li t-tbatijiet u s-sagrifiċċji tagħhom xprunaw liċ-ċiklisti waqt l-isfida tagħhom.
Il-fundatur tal-LifeCycle (Malta) Foundation u veteran tal-LifeCycle Challenge Alan Curry ikkummenta: “Ninsabu kburin ħafna li irbaħna din l-isfida, u s-sensazzjoni hija kważi surreali. Minkejja t-tħejjijiet kollha, li wieħed jasal fl-aħħar huwa ta’ sodisfazzjon enormi. Madankollu, f’dan il-mument emozzjonanti, il-ħsibijiet tagħna huma mal-pazjenti tal-kliewi, li l-isfida dejjiema tagħhom għadha ‘l bogħod milli tintemm.”
L-isfida ta’ din is-sena kienet it-23 edizzjoni tal-LifeCycle Challenge bil-għan li jinġabru madwar Eur200,000 biex jiġu appoġġjati pazjenti tal-kliewi, b’risq ir-riċerka medika u biex titqajjem kuxjenza dwar is-saħħa tal-kliewi. Il-LifeCycle Challenge hija organizzata mil-LifeCycle (Malta) Foundation li sal-lum għadha l-unika organizzazzjoni volontarja li taħdem fil-qasam tas-saħħa tal-kliewi f’Malta.
Il-LifeCycle Challenge tal-2023 għandu l-appoġġ tal-isponsor ewlieni Nescafé, flimkien ma’ sponsors oħra bħal Smart Technologies Ltd, Technoline Ltd, Farsons Foundation, Laferla Insurance, JPA, The Web Ally, McDonald’s, Borg Cardona & Co Ltd u Salini Resort.
Donazzjonijiet lil-LifeCycle (Malta) Foundation jistgħu jsiru permezz tar-Revolut fuq 9932 9101, permezz ta’ PayPal jew billi wieħed jibgħat SMS:
5061 7370 għal donazzjoni ta’ €2.33;
5061 8920 għal €6.99;
5061 9229 għal €11.65.
Wieħed jista’ wkoll iċempel fuq:
5160 2020 għal donazzjoni ta’ €10;
5170 2005 għal €15;
5180 2006 għal €25.
Donazzjonijiet permezz ta’ trasferiment bankarju jistgħu jsiru permezz tal-kodiċi Swift VALLMTMT, IBAN MT 18 VALL 22013000000014814521017. L-isem tal-bank huwa Bank of Valletta, u n-numru tal-kont huwa 14814521017.
Il-LifeCycle (Malta) Foundation hija reġistrata mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji – VO/0529
Għal aktar informazzjoni żur il-website jew Facebook
//= $special ?>