Il-Konslu Onorarju għal Malta fi Skopje kien projbit milli jidħol l-Istati Uniti wara l-allegat involvilment tiegħu f’każ ta’ korruzzjoni.
L-eks Deputat Prim Ministru tal-Macedonja Kocho Angjushev kien ilu jmexxi l-konsulat Malti fi Skopje minn Ottubru tal-2021 wara li l-pożizzjoni tiegħu ġiet approvata mill-Gvern Malti. U kien biss wara li t-Times of Malta bdiet tinvestiga din l-istorja li l-Ministru responsabbli, Ian Borg, waqqaf lil Angjushev mill-kariga tiegħu.
Dan kollu juri li l-Gvern Laburista żamm persuna li allegatament kienet involuta fil-korruzzjoni sabiex tokkupa kariga daqstant importanti fil-Maċedonja.
Skont stqarrija ppubblikata mid-Dipariment tal-Istat Amerikan, Angjushev ma jistax jidħol l-Istati Uniti wara li abbuża mill-pożizzjoni tiegħu waqt li kien fil-kariga ta’ Deputat Prim Ministru tal-Maċedonja – u dan għamlu biex jaġevola l-interess tan-negozju privat tiegħu.
Angjushev serva bħala Deputat Prim Ministru responsabbli mill-ekonomija mil-2017 sal-2020 taħt il-Gvern immexxi minn Zoran Zaev, li dak iż-żmien kien il-Mexxej tal-Partit SDSM.
Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet mibgħuta mit-Times, kelliem għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin qal li l-Ministeru qatt ma rċieva informazzjoni negattiva fil-konfront tal-Konslu tal-Maċedonja sa mill-ħatra tiegħu fl-2021.
Min-naħa tiegħu Kocho Angjushev ċaħad l-istorja u qal li se jkun qed jappella minn din id-deċiżjoni filwaqt illi qal li ma kien hemm ebda bażi li twassal biex hu jitwaqqaf milli jidħol fl-Istati Uniti.

Angjushev żar Malta f’April li għadda fejn kellu anke laqgħa mal-Minisru tal-Affarijiet Barranin Ian Borg.
Sentejn ilu kien hemm projbozzjoni simili mill-Amerikani fil-konfront tal-eks Minsitru Laburista Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri. Dan wara li isimhom kien implikat f’diversi allegazzjonijiet serjissimi.