Pavaljuni, bandalori, bnadar, flokkijiet u knejjes fil-minjatura – dawn huma l-għexieren ta’ disinji li laqgħuna fil-kamra ta’ Charlie Cauchi – disinjatur minn Bormla li bħal kull Bormliż ikun qiegħed jistenna x-xahar ta’ Diċembru mhux biss għal festi tal-Milied, iżda għall-festa tal-parroċċa ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni.
Net News tkellem ma’ Cauchi, rinomat għad-disinji primi tiegħu, kollha magħmula bil-pinna u l-idejn, fejn iqatta’ s-sigħat twal jaħdem u jiżviluppa t-talent li għandu – xogħol ta’ arti u passjoni kbira – passatemp li wasslu sabiex anke hu jkollu parti f’din il-festa tant għal qalb bosta.
Cauchi stqarr maghna li f’dan ix-xogħol jinvesti ħafna ħin hekk kif jirrikjedi paċenzja u dettall liema bħalu bil-għan li dak li jpinġi fuq il-karta finalment jkun żviluppat minn artisti oħrajn.
Charlie Cauchi spjega ma’ Net News li ġej minn familja li għandha rabta mal-festa tal-Kunċizzjoni ta’ Bormla filwaqt li insista li l-ispirazzjoni tiegħu ġejja b’mod partikolari mill-artist Abraham Gatt.
Huwa rrakkonta kif beda jmidd idejh f’dan ix-xogħol sa minn meta kellu 12-il sena bil-passjoni tiegħu dejjem tinġibed lejn din l-arti.
Bħal bosta Bormliżi, Cauchi insista li l-festa tal-Kunċizzjoni għalih hija kollox – bil-kamra mimlija xogħlijiet u rakkolta ta’ ritratti tal-festa datati saħansitra qabel it-tieni gwerra dinjija jixhdu dan kollu. Dan filwaqt li stqarr li minkejja li ġeneralment it-temp ma tantx jippermeti għal festi esterni xorta waħda hija festa li tilqa’ fi ħdanha ħafna devoti.
Intant, huwa appella lill-artisti żgħażagħ sabiex ma jibżgħux joħorġu, jimirħu u jmiddu idejhom – filwaqt li ħeġġiġhom jissieħbu ma’ każini u mħażen tal-festa bil-għan li jiżviluppaw it-talenti tagħhom.
//= $special ?>