Schola Cantorum Jubilate, magħrufa partikolarment għall-kunċerti maġiċi tal-Milied, ser tirritorna fil-Bażilika u Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu nhar id-29 ta’ Diċembru fis-7.30pm b’In Presepio, kunċert li jikkommemora 800 sena mill-ewwel presepju ħaj li ħejja San Franġisk.
In Presepio se jibni ix-xena tan-nativita’: mhux bil-ġebel jew karta pesta imma bis-sbuħija korali li se tillumina l-personalitajiet li nsibu fl-Istorja tal-Milied.
Is-seklu 13 ra t-twelid tal-ewwel presepju waqt quddiesa li fiha San Franġisk għamel il-priedka. Hu ħejja maxtura, ftit tiben, baqra u ħmara u tarbija li flimkien ippreżentaw it-tbatija li bata Ġesù tarbija – is-Salvatur li twieled fqir għall-umanità. In Presepio se jibni presepju bil-kant waqt li jirreferi għall-elementi li nsibu fil-presepju: it-tarbija, l-omm u l-missier, il-maxtura, l-annimali u l-Għorrief tal-Lvant.
Wara s-suċċess tal-kunċert tas-sena l-oħra, O Magnum Mysterium, li għalih attendiet folla numeruża u li ntogħġob ferm mal-udjenza, il-kunċert ta’ din is-sena mistenni jippreżenta serata oħra ta’ għanjiet, kemm popolari u kemm ġodda. “Ta’ kull sena nippruvaw nsibu repertorju interessanti li jipprovdi sfida għall-abilitajiet mużikali tal-koristi u li fl-istess ħin jagħti perspettiva ġdida għall-udit lill-udjenza”, qalet Marouska Attard, id-direttriċi, sopran u l-unika Maltija gradwata f’direzzjoni korali.
Biex jinkiseb dan kollu, ir-repertorju ta’ In Presepio joffri taħlita ta’ għanjiet klassiċi minn Mendelssohn u Wagner, xogħlijiet minn kompożituri Ingliżi, fosthom Rutter u Willcoks, xogħlijiet aktar moderni u forsi inqas popolari mal-udjenza, fosthom biċċiet ta’ Jēkabsone, Hayes, Culloton, Roche, Archer u Pitts. L-għanja Maltija popolari Ninni La Tibkix Iżjed ser tkun ippreżentata b’arranġament ġdid ta’ Paul Portelli.
L-udjenza ser tassisti ukoll għall-premiere ta’ Admirabile Signum li propju tfakkar il-ħolma ta’ Franġisku li ried jgħix l-ewwel Milied. Din hija kompożizjoni ġdida ta’ Portelli, b’lirika mit-talentuż Francesco Pio Attard.
Il-pjanisti Anna Magrin u Amy Borg, l-organista Joseph Camilleri u l-BrassTubes flimkien ma’ żewġ gruppi minn SCJ – SCJ Adults Group u l-SCJ Youths se jipparteċipaw f’In Presepio taħt id-direzzjoni ta’ Marouska Attard. “Il-koristi ilhom għaddejjin bi provi intensivi minn Settembru u issa l-programm qed jieħu dehra sabiħa. Il-kunċert jiggarantixxi festa għall-udit grazzi għad-diversi vuċijiet f’SCJ, il-ħoss festiv tal-BrassTubes mmexxija minn Mark Gauci u grazzi ukoll għall-organista u l-pjanisti”, kompliet Marouska.
Dan il-kunċert se jieħu lill-udjenza fi vjaġġ spirtwali u fl-istess ħin artistiku fis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu. Stefan Attard, id-Direttur Artistiku jinnota li l-kor ifittex l-innovazzjoni u l-kreattivita’, b’attenzjoni reqqa għad-dettalji: “Nippruvaw nuru s-sbuħija taħt forom differenti fl-arti – ngħażlu bir-reqqa r-repertorju, nħawru ħsibijiet letterarji adatati, nużaw l-ispazju arkitettoniku, ninkludu korjografiji u fl-aħħar u mhux l-inqas, it-teknoloġija.
Aħna rridu nħallu memorja oħra indimentikabbli fir-ruħ ta’ min jattendi għall-kunċerti tagħna biex ntaffu ftit mit-toqol tal-ħajja u nwasslu ftit tama għal għada aħjar.” Stefan Attard ikompli jgħid, “din is-sena l-udjenza ser tkun involuta aktar minn qatt qabel, għax hemm imħejjija mumenti partikolari!”
Ingħaqad ma SCJ għal dan il-vjaġġ korali. Id-dħul għal In Presepio huwa b’xejn u m’hemmx bżonn tibbukja.
In Presepio qed jiġi organizzat b’kollaborazzjoni mad-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Għal aktar dettalji tistgħu tikkuntajaw lill-organizzaturi fuq info@scjchoir.com jew 79450950.