Lokali

L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jilqa’ aktar minn nofs miljun passiġġier f’Novembru

Matul ix-xahar ta’ Novembru, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rreġistra ‘l fuq minn nofs miljun passiġġier, ċifra li turi żieda ta’ 7.2% mill-livelli tas-sena 2019, illi kienet l-aħħar sena sħiħa ta’ qabel il-pandemija.

Skont l-istatistika maħruġa mill-MIA, l-aktar ġurnata impenjattiva kienet l-4 ta’ Novembru, f’nofs il-mid-term holidays tat-tfal. Matul dan il-jum għaddew iżjed minn 25,000 passiġġier mill-ajruport.

Din id-domanda qawwija wasslet għal seat load factor li tela’ għal kwazi 85% – qabża ta’ 6.8% mill-livelli tal-2019.

It-tliet swieq l-aktar popolari f’Novembru kienu l-Italja, il-Ġermanja, u r-Renju Unit, filwaqt li s-suq Pollakk ħa l-post tas-suq Franċiż bħala wieħed mill-aqwa ħames rotot wara nuqqas ta’ seba’ xhur.

Matul Novembru, 92% mill-postijiet disponibbli fuq titjiriet bejn seba’ destinazzjonijiet fil-Polonja u Malta kienu mimlija, filwaqt li s-seat load factor wera żieda ta’ 120% meta mqabbel mal-2019.

Meta wieħed iħares lejn is-seat load factor, jidher ukoll li s-suq Ġermaniż għadu ma rkuprax mill-livelli tal-2019, iżda f’Novembru kien partikolarment għoli b’rata ta’ 90% tal-postijiet illi imtlew.