Filwaqt li l-Iżraeljani qed ikomplu jattakkaw lit-terroristi tal-Ħamas fin-Nofsinar ta’ Gaza, il-konflitt irranka wkoll fin-naħat ta’ fuq tat-territorju. Dan meta l-kamp ta’ Jabalia għar-refuġjati – li hu wkoll fortizza tal-Ħamas –spiċċa ċirkondat kompletament mit-tankijiet tal-gwerra ta’ Iżrael fost il-bumbardamenti fuq iz-zoni bil-preżenza tat-terroristi.
L-awtoritajiet militari Iżraeljani jridu jeliminaw it-theddida mill-Ħamas f’dan il-kamp u fost rapporti dwar diversi battalji bejn is-suldati u l-ġellieda Iżlamiċi mal-periferiji u viċin tal-inħawi fullati minn xi 100,000 resident.
Il-kelliema għall-Ħamas qalu li r-residenti fil-kamp ta’ Jabalia huma f’periklu li jmutu bil-ġuh u li mgħadux jiffunzjona l-isptar ta’ dik iz-zona. Hu minnu wkoll li r-residenti fit-Tramuntana ta’ Gaza ilhom mingħajr għajnuna mindu, fil-bidu tax-xahar, intemm il-ftehim bejn Iżrael u l-Ħamas li permetta għall-iskambju ta’ priġunieri Palestinajni ma’ ostaġġi miżmumin mit-terroristi.
Il-kamp ta’ Jabalia kien ilu magħruf għall-akbar konċentrazzjoni ta’ refuġjati fir-reġjun u meta issa jinsab suġġett għall-attakki mill-qawwiet ta’ Iżrael li għandhom iżidu fl-intensità.
U waqt li l-eluf tar-residenti qegħdin jgħixu taħt periklu kontinwu, l-Iżraeljani qed jgħidu li ċ-ċivili fil-kamp ‘mhumiex jitħallew jaħarbu’ minħabba t-theddid mill-Ħamas. Fl-istess ħin, il-qawwiet ta’ Iżrael irrappurtaw li rnexxielhom joqtlu numru ta’ terroristi waqt rejd fuq kumpless tal-Ħamas f’Jabalia u fejn instab network tal-mini li l-Ħamas kienu qed jużaw għall-movimenti tal-armi.
//= $special ?>