Internazzjonali

Stati Uniti: Diżgwid mar-Repubblikani li għandu jkun ta’ vantaġġ għal Vladimir Putin

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, akkuża lill-Partit Repubblikan fl-Oppożizzjoni bħala partit ‘dispost biex jagħti l-aqwa rigal tal-Milied lill-President tar-Russja, Vladimir Putin’.

Dan meta r-Repubblikani fis-Senat ostakolaw l-inizjattiva lejn abbozz ta’ politika għall-kontinwazzjoni tal-għajnuna lill-Ukrajna wara li huma ma kisbux kompromessi dwar politika relatata għall-ħarsien tal-fruntieri tal-Istati Uniti.

Il-pakkett tal-għajnuna suppost li kellu jinkludi 61 biljun dollaru bħala fondi għall-Ukrajna, flimkien ma’ fondi għal Iżrael u għajnuna għall-poplu ċivili fil-Medda ta’ Gaza.

U waqt li l-uffiċjali fil-White House wissew li ‘jistgħu jispiċċaw dalwaqt’ il-fondi tal-Istati Uniti għall-Ukrajna, il-Gvern fi Kiev kompla jappella għall-għajnuna mingħand Washington…Mingħajr din l-għajnuna se jkun ferm diffiċli għall-Ukrajna biex  tirreżisti  lill-qawwiet ta’ Putin li ilhom minn Frar tal-2022 għaddejjin bi gwerra fid-diversi reġjuni kontrollati mill-Ukreni.

Fil-fatt, in-nuqqas ta’ għajnuna militari lill-Ukreni mingħand l-Amerikani għandu jfisser ‘pass eqreb lejn ir-rebħa’ għall-qawwiet tal-Kremlin fl-Ukrajna.

Filwaqt li d-deputati Repubblikani, fil-parti kbira, huma favur l-għajnuna lill-Ukrajna, uħud minnhom qegħdin jużaw l-issue biex jindirizzaw it-tħassib dwar il-kontrolli mal-fruntieri lejn in-naħa t’isfel tal-Istati Uniti.

U l-aħħar vot ifisser li l-għajnuna futura lill-Ukreni mingħand l-Istati Uniti saret aktar inċerta – bid-deputati f’Washington mistennija jkomplu bin-negozjati qabel il-Kungress Amerikan ixolji għall-Milied.

Dan ukoll meta numru ta’ Repubblikani qed jinsistu li kwalunkwe għajnuna lill-Ukrajna għandha tkun marbuta mar-riformi kbar u sinifikattivi fil-politika għall-immigrazzjoni tal-Istati Uniti…Riformi li jriduhom jaffettwaw ukoll il-liġijiet għall-kenn politiku.