Internazzjonali

Stati Uniti: Eks-professur ta’ kulleġġ maqtul mill-pulizija waqt sparatura f’kampus tal- università

Il-Pulizija qed tinvestiga x’wassal biex eks-professur ta’ kolleġġ jiftaħ in-nar fuq il-kampus tal-Università ta’ Nevada f’Las Vegas u bir-riżultat li nqatlu tlieta. Kien hemm ukoll xi midruba fl-isptarura, bl-aggressur, li kellu ‘il fuq minn 60 sena, ukoll jispiċċa maqtul f’konfront mal-pulizija li wieġbu għall-emerġenza.

L-awtoritajiet fl-aħħar sigħat iddeċidew li jżommu l-kampus magħluq fost l-investigazzjonijiet intensivi. Skont l-aħħar dettalji, l-eks professur – li l-pulizija ma identifikatx b’ismu — kien jgħallem fl-Istati ta’ Georgia u North Carolina.

L-Uffiċjali tal-Pulizija  gma kellhomx idea dwar l-iskop tal-aggressur, bl-investigazzjoni tikkonċentra fuq il-possibbiltà li l-eks professur kellu xi tilwim ma’ persuni konnessi mal-università inkwistjoni.

L-isparatura qattiela seħħet qrib il-bini tas-Student Union u fejn il-pulizija fuq il-kampus ħarġu direttivi urġenti biex l-istudenti u n-nies jevakwaw mill-viċinanzi. Ftit tal-ħin wara, l-aggressur fetaħ in-nar fuq il-pulizija fl-inħawi li sparaw lura u qatluh fuq il-post. Dan waqt li kien għaddej proċess ta’ evakwazzjoni mill-bini kollha tal-kumpless.

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden, f’ismu u f’isem martu, il-First Lady Jill Biden, esprima solidarjetà mal-vittmi al-isparatura waqt li kkundanna ‘l-att vjolenti xokkanti’.

Dan meta l-aġenti tal-Federal Bureau of Investigation (FBI) u l-aġenti tal-Bureau of Alcohol, Tobacco, Firearms and Narcotics qed jgħinu wkoll fl-investigazzjoni tal-pulizija fil-kwartieri tal-Università ta’ Nevada u l-madwar. Bħalissa hemm anki  preżenza kbira ta’ pulizija fuq il-kampus, bil-pubbliku qed jistenna għal aktar dettalji dwar il-każ.