Internazzjonali

UNESCO: L-Opera Taljana rikonoxxuta bħala patrimonju kulturali dinji

Il-kant tal-opera, sinonimu mat-tradizzjoni u kultura tat-Taljani, hu konfermat bħala parti mill-patrimonju kulturali tad-dinja skont l-istqarrija uffiċjali mill-UNESCO —  l-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Kultura.

L-opera, bħala arti, ilha teżisti għal aktar minn 400 sena u fejn tibbaża fuq spettaklu dominat mill-mużika, drama u kostumi. Għaldaqstant, l-UNESCO qed tirrikonoxxi din l-arti bħala element ‘integrali’ tal-Wirt Kulturali għall-ġenerazzjonijiet preżenti, futuri u tal-passat.

L-opera Taljana żviluppat fl-aħħar tas-snin 1500 u wara l-1600 fl-eks Repubblika ta’ Firenze. Dan fi żmien meta l-Familja Mediċi, li kienet influwenti ferm minn lat politiku u kulturali, għenet fil-promozzjoni ta’ din l-arti bażata fuq il-kant straordinarju u temi kumplikati li flimkien isawwru l-istejjer mużikali.

Il-Ministru Taljan għall-Kultura, Gennaro Sangiuliano, filwaqt li esprima l-ferħ għal dan l-unur f’isem il-Gvern ta’ Ruma, qal li r-rikonoxximent mill-UNESCO huwa partikularment sinifikanti għaliex jikkonferma ‘dak li jaf kulħadd’ – fis-sens li l-kant tal-opera jinvolvi talent li jirrifletti stat ta’ eċċellenza fuq livell dinji.