Lokali

Clint Camilleri jerġa’ jaħtar lil Joe Debono Grech fuq il-bord tal-Gozo Channel

Fl-aħħar kampanja elettorali kien ammetta li l-Gvern Laburista korrott

Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri – ħabib tal-qalba mat-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela – reġa’ ħatar lill-eks Ministru Laburista tas-sebgħinijiet Joe Debono Grech…fuq il-Bord tal-Gozo Channel.

Fl-aħħar elezzjoni taħt tinda f’Għawdex, Debono Grech kien ta palata sew lil Clint Camilleri, iżda fl-istess waqt bl-akbar pompa kien ammetta u ftaħar li l-Gvern tal-Labour korrott imma tal-inqas tista’ tieħu xi ħaġa mill-korruzzjoni tiegħu.

Il-ħatra mill-ġdid ta’ Joe Debono Grech f’dan il-bord kienet mħabbra fuq il-gazzetta tal-Gvern bl-eks Ministru Laburista, li illum għandu 84 sena, jinħatar mill-Ministru Clint Camilleri nnifsu.

Lura f’Marzu tal-2022 l-eks Ministru li ilu jimmilità fil-politika mis-sittinijiet ikkonferma li l-Labour hu ħalliel, għaliex qal li hu bħall-ħalliel it-tajjeb li ssallab qrib Kristu. U dan fost iċ-ċapċip ta’ Clint Camilleri, li kien il-magħżul bħala l-Ministru ta’ Għawdex appena Robert Abela rebaħ il-ġlieda tal-Leadership.

Debono Grech serva bħala Deputat Laburista għal aktar minn 50 sena kif ukoll kien Ministru tat-Trasport taħt it-tmexxija ta’ Alfred Sant…u Deputy Leader taħt Dom Ministroff – fejn taħt din it-tmexxija serva fost oħrajn bħala l-Ministru għall-Affarijiet Parastatali.

Fl-aħħar snin snin Joe Debono Grech kien famuż mhux biss għall-impenji politiċi tiegħu iżda għal fatt li fil-Parlament kien hedded lid-Deputat Marlene Farrugia li jiġi għaliha u jifqagħha… kif ukoll li ammetta li l-Partit Laburista korrott.

Fl-aħħar 10 snin ta’ Gvern Laburista, Joe Debono Grech kien Konsulent, u kellu anke uffiċċju f’Kastilja biex jiltaqa’ man-nies.