Rowen Camilleri
ĦAMRUN S……….4
BIRKIRKARA………0
Ħamrun S: F. Marchetti, S. Borg (J. Corbalan 77’), O. Bjelicic, J. Mbong, R. Prsa, E. Freitas, U. Djuranovic, L. Montebello (Y. Nenov 69’), E. Marcelina, R. Camenzuli, J. Torres (B. Ederson 83’)
Birkirkara: M. Zapytowski, J. Pajovic, E. Pepe, A. Quieroz (A. Ciolacu 63’), Y. Yankam, P. Mbong, K. Zammit, A. Satariano, E. P. Beltre (O. Elouni 83’), S. Zibo (M. Maia 63’), A. Diakite
Imwissija: E. Pepe 28’, Y. Yankam 73’ (B), J. Mbong 57’, L. Montebello 58’, R. Prsa 73’, Y. Nenov 79’ (Ħ)
Skorjaw: J. Robert 12’, 31’, 62’, B. Ederson 90’ (Ħ)
Referee: Slobodan Petrovic
Assistenti Referees: Duncan Spencer u James Muscat
Wara nuqqas ta’ 31 sena, Ħamrun Spartans huma r-rebbieħa tas-Super Cup meta fl-Istadium Nazzjonali għelbu lil Birkirkara bl-iskor ta’ 4-0. Il-protagonist tal-ġurnata kien Jonny Robert li skorja hat-trick personali u kellu wirja mill-aqwa fejn il-veloċità tiegħu ħarbtet lid-difiża Karkariża diversi drabi waqt il-partita.
L-ewwel azzjoni perikoluża waslet minn Ħamrun fis-7 minuta meta kien Djuranovic li ssikat minn Pajovic xorta waħda rnexxielu jitfa’ kross fil-baxx lejn Jonny li x-xutt fil-baxx tiegħu għoddu ħasad lil Zapytowski iżda l-ballun għadda ftit barra.
Ħamrun marru fil-vantaġġ fit-12-il minuta meta kien kross ta’ Ryan Camenzuli li sab lil Jonny Robert fil-pożizzjoni preċiża u bir-ras minn quddiem Zapytowski il-Brażiljan tefa’ fix-xibka.
Reazzjoni minn Birkirkara fl-20 minuta, il-korner ta’ Paul Mbong jasal fuq ras Queiroz li d-daqqa ta’ ras tiegħu ġiet milqugħa minn Marchetti.
Ħamrun irdoppjaw fil-31 minuta minn azzjoni mibdija minn Djuranovic li għadda mal-linja lejn Mbong, bl-internazzjonali Malti jitfa’ kross fil-baxx lejn Jonny Robert li minn quddiem Zapytowski ma’ żbaljax biex skorja t-tieni gowl Ħamruniż u tiegħu personali.
Fil-41 minuta ċans tad-deheb għal Birkirkara meta Pepe tefa’ kross li kien imxellef bir-ras minn Zibo u spiċċa għand Queiroz li iżda minn quddiem Marchetti naqas milli jikkonkludi bil-ballun jispiċċa f’idejn l-eks internazzjonali Taljan.
Minuta wara Satariano minn qagħda angolata jipprova xutt b’saħħtu li kien imdawwar f’korner mill-istess Marchetti.
Tliet minuti fuq il-ħin miżjud Jonny jgħaddi lejn Montebello li wara li qabeż difensur Karkariż ra x-xutt b’saħħtu tiegħu ikun milqugħ minn Zapytowski.
Din kienet l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima biċ-champions Ħamrun jidħlu jistrieħu f’vantaġġ doppju.
Ħamrun skorjaw it-tielet gowl fit-62 minuta meta kienet ħarba tipika ta’ Jonny Robert li qabad il-ballun minn tliet kwarti ta’ grawnd u minkejja li kien issikkat minn Pepe b’xutt fil-baxx tafa’ fix-xibka biex għaqqad hat-trick personali u tefa’ lill-partitarji ta’ Ħamrun f’dillerju ta’ ferħ.
L-Ispartans ma kienux kuntenti bi tlieta u fid-90 minuta skorjaw ir-raba’ meta minn kontratakk Roko Prsa għadda lejn is-sostitut Bruno Ederson li b’xutt fil-baxx għeleb lil Zapytowski għal skor finali ta’ 4-0 favur Ħamrun Spartans.

