Futbol Sport

Ħamrun u Birkirkara jisfidaw lil xulxin fil-finali tas-Super Cup

(Ritratt: Joseph Galea)

Wara r-rebħa impressjonanti ta’ 3-0 li Birkirkara kisbu fil-kampjonat kontra Ħamrun, illum fl-Istadium Nazzjonali, inqas minn ġimgħa wara, dawn iż-żewġ timijiet jerġgħu jiltaqgħu, iżda din id-darba f’partita għas-si u n-no fil-finali tas-Super Cup.

Dan il-konfront jintlagħab bejn ir-rebbieħa tal-kampjonat, li l-istaġun li għadda kienu Ħamrun Spartans u r-rebbieħa tal-FA Trophy, li wara li eliminaw lill-istess Ħamrun fil-kwarti tal-finali, kienu l-Istripes li rebħu t-tieni l-akbar unur fil-futbol Malti meta fil-finali għelbu lil Marsaxlokk 2-0.

Ħamrun rebħu din it-tazza 5 darbiet bl-aħħar waħda tmur lura 31 sena meta fl-1992 għelbu lir-rivali Valletta bl-għoti tal-penalties, wara li sal-120 minuta l-iskor kien dak ta’ 1-1. Min-naħa l-oħra Birkirkara rebħu s-Super Cup 7 darbiet u fi żminijiet aktar riċenti bl-ewwel waħda tkun fl-2002 u bl-aktar waħda riċenti tkun fl-2014 f’rebħa ta’ 2-1 ukoll fuq Valletta.

L- unika darba li Ħamrun u Birkirkara ltaqgħu kontra xulxin f’finali kien fl-2008 meta kienu lagħbu fil-finali tal-FA Trophy f’partita mill-isbaħ li l-Istripes rebħu 2-1, bil-gowls ta’ Birkirkara jaslu minn doppjetta ta’ Michael Galea filwaqt li Ryan Fenech ġab id-draw momentarju għal Ħamrun, dakinhar immexxija minn Marco Gerada.

Birkirkara fl-aħħar snin qed ikunu ta’ xewka għall-Ispartans, hekk kif l-aħħar rebħa tat-tim immexxi minn Luciano Zauri fuq l-Istripes tmur lura għal Mejju tal-2022 meta dakinhar kienu rebħulhom 1-0 b’gowl ta’ Franklin Sasere.