Lokali

Ikompli l-isfreġju fil-Mosta: Jitqaċċtu u jinqerdu iktar siġar protetti

Wara li fl-aħħar ġimgħat rajna s-siġar tal-pjazza tal-Mosta jitneżżgħu għal kollox mill-friegħi tagħhom fejn waslu għal għagħa qawwija mill-poplu… dan l-isfreġju kompla wkoll f’zoni oħra tal-Mosta.

Bis-sindku Laburista tal-Mosta, Chris Grech, jagħżel li mhux biss iqaċċat is-siġar tal-pjazza iżda wkoll dahar għaz-zona magħrufa bħala ta’ Santa Margerita fejn hemmhekk ħalla wkoll ħerba sħiħa. Ħofor m’għola żewġ metri, siġar meqrudin li litteralment tqattgħu biċċiet u ntremew, u ġrieden jiġru ftit metri ‘l bogħod mir-residenzi.

Dan kollu seħħ wara li l-Gvern tal-Labour għażel li l-ewwel iqaċċat is-siġar fil-Pjazza tal-Mosta biex jittieħdu lejn iz-zona ta’ Santa Margerita; zona fejn numru ta’ siġar kienu ilhom hemm iktar minn 30 sena, u li kienu għadhom b’saħħithom, b’uħud minnhom protetti bil-liġi. U dan filwaqt li kienu ukoll joffru kenn lir-residenti.

Ma’ Net News tkelmu numru ta’ residenti fejn saħqu li ma jistgħux jifmhu kif siġar fl-aqwa tagħhom qerduhom filwaqt li siġar li għal dawn l-aħħar snin kull ma fadal minnhom huwa sempliċi zokk tħallew fil-post.

Dan kollu wassal biex hemm periklu kbir għal dawk kollha li jgħaddu miz-zona.

U mhux biss. Din il-ħerba waslet ukoll biex ġibdet ammont kbir ta’ ġrieden, b’riżultat ta’ periklu għal saħħet in-nies.

B’dan kollu kien mgħarraf is-Sindku Laburista, Chris Grech iżda l-unika azzjoni li ħa kien li għamel fence tal-kostruzzjoni, li għeleb mal-ewwel buffura riħ.

Bir-residenti jappellaw biex jingħataw widen qabel iweġġa’ xi ħadd.

Dawn id-deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar ġimgħat tikkonferma n-nuqqas ta’ pjanar mill-Gvern ta’ Robert Abela – turija ċara tal-mod kif qed isiru l-affarijiet f’pajjiżna.

Ritratti: Martin Agius