Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Sitwazzjoni disprata għar-residenti ta’ Gaza, bil-battalji jintensifikaw

Il-kriżi umanitarja għan-nies ta’ Gaza qed taqleb dejjem għall-agħar, ftit aktar minn xahrejn mindu Iżrael fetaħ l-offensiva fuq il-Ħamas li għadu jirreżisti miz- zoni tat-Tramuntana u n-Nofsinar tat-territorju li ilu jikkontrolla mill-2006.

Sadanittant, il-militar Iżraeljan qed jimplimenta strateġiji militari ġodda fin-Nofsinar ta’ Gaza u meta l-battalji intensivi mal-Ħamas fil-belt ta’ Khan Younis ilhom għaddejjin mill-bidu tal-ġimgħa.

Fl-istess ħin, il-gruppi favur id-drittijiet umani qed iwissu kontinwament dwar il-katastrofi umana li qed tiżviluppa fin-Nofsinar ta’ Gaza u fejn mill-ġdid qed jispikkaw in-nuqqasijiet tal-ikel, mediċini u affarijiet bażiċi oħra għall-poplu.

It-trasport tal-għajnuna liċ-ċivili ta’ Gaza mill-ġdid qed jiffaċċa l-intoppi kbar b’riżultat tal-gwerra – u wara li eluf kbar ta’ familji Palestinjani rilokaw mit-Tramuntana lejn in-naħat t’isfel ta’ Gaza, bħala impenn iddisprat biex huma ma jinqabdux f’nofs il-bumbardamenti tal-Iżraeljani.

Is-sitwazzjoni qed tidher dejjem aktar iddisprata wara li uffiċjali tan-Nazzjonijiet Uniti qalu li l-offensiva ta’ Iżrael wasslet għal ċirkustanzi fejn, fin-Nofsinar ta’ Gaza, ma baqa’ jeżisti l-ebda post sikur għall-aġenziji tal-għajnuna.

Il-Fergħa Palestinjana tas-Salib l-Aħmar, fl-aħħar sigħat, qalet li l-ajruplani tal-gwerra Iżraeljani kienu miraw għal residenza viċin il-kwartieri ta’ din l-organizzazzjoni kif ukoll lejn l-isptar ta’ Al-Amal f’Khan Younis. L-allegat attakk, madankollu, ma kienx ivverifikat mis-sorsi indipendenti.

Intant, l-Iżraeljani f’Gaza qalu li komplew isibu l-armamenti u ‘l-infrastruttura għat-terroriżmu’ qalb l-isptarijiet, l-iskejjel u l-kulleġġi, kif ukoll fid-djar tar-residenti.

Is-suldati, fl-aħħar sigħat, anki qerdu bini u infrastruttura fl-Università ta’ Al-Azhar u li jingħad li kienu qed jintużaw għall-attivitjaiet militari tal-Ħamas. Dan fost is-sejba ta’aktar mini taħt l-art li allegatament jinkwadraw fit-tattiċi terroristiċi ta’ dan il-grupp responsabbli mill-massakri taċ-ċivili f’Iżrael.

Instab anki materjal ‘għall-użu militari’ f’zona għall-osservazzjoni viċin l-Isptar ta’ Shatti, b’Iżrael jakkuża lill-Ħamas b’li qed jabbuża kontinwament ir-regoli tal-gwerra permezz ta’ tattiċi li  jesponu dejjem aktar liċ-ċivili għall-konsegwenzi tal-ġlied.