Lokali

“Il-politika u l-Pulizija ma jitħaltux” – L-Editorjal tat-Times of Malta

Il-Korp tal-Pulizija ma jistax jiġi trattat bħala ballun politiku. Il-politika u l-pulizija ma jitħaltux. Sostna dan l-editur tat-Times of Malta fejn insista li fl-aħħar snin jekk ma tgħallimna xejn għandna ċertament nifmhu li dawn it-tnejn m’għandhom qatt jitħaltu.

Huwa insista li meta dan iseħħ mhux biss l-liġi ssibha diffiċli immens biex tilħaq lil dawk fuq is-siġġu tal-poter, imma hija ta’ qsim il-qalb li l-uffiċjali ta’ rieda tajba ma jkunux jistgħu jwettqu xogħlhom.

Fl-editorjal intqal kif uħud mill-uffiċjali jirriskjaw ħajjithom għall-ġid tal-komunità u għaldaqstant dik ir-raġuni biss hija valida biżżejjed biex il-poplu suppost jkollu fiduċja fil-Korp; madanakollu m’għandhom qatt jintużaw għal vantaġġ politiku.

L-editur kritika l-element partiġġjan kif il-Pulizija ġew indirizzata fid-diskors tal-Budget biex jintużaw għal gwadann politiku.

Intant it-Times irreferiet għall-fatt li se tkun qed tiġi mwaqqfa sezzjoni speċjali tal-Pulizija li tieħu ħsieb it-toroq.

Filwaqt li din l-inizjattiva intlaqet…la darba hija ta’ ġid għas-soċjetà … l-editur qabel mad-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio fejn qal li din id-deċiżjoni se tkun ta’ piż fuq il-Pulizija li diġà qed jagħmlu l-mirakli…b’nuqqas ta’ ħaddiema u paga baxxa.

Għaldaqstant l-Editur insista li ċertu responsabbiltajiet għandhom jittieħdu minn agenzji oħrajn. Madanakollu stqarr ukoll li l-preżenza tal-pulizija fit-toroq hija ta’ benefiċċju għal komunitajiet bħala deterrent kontra l-kriminalità.

Il-PN ilu xhur jghid li l-Pulizija huma demotivati…b’paga baxxa u li bosta kienu qed jirriżenjaw għalhekk…bl-editur jaqbel ma’ dan il-fatt….għalkemm insista li l-vokazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali tmur oltrè mill-pakkett finanzjarju.

L-editur saħaq illi qabel dan il-pajjiż jiddiskuti x’sezzjonijiet ġodda għandu bżonn il-Korp tal-Pulizija, hemm bżonn ta’ diskussjoni urġenti dwar it-tmexxija tagħha.

Għaldaqstant l-editorjal itemm billi jgħid li din l-istituzzjoni ma tistax titwaddab minn naħa għal oħra a skapitu tas-soċjetà.